• San Ġwann 8:21-30

    F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Jiena mmur, u intom għad tfittxuni, imma għad tmutu fid-dnub tagħkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu”. Qalu l-Lhud: “Jaqaw se jneħħi ħajtu b’idejh dan? Għax qal: “Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu”.

    Ġesù qalilhom: “Intom minn hawn isfel, u jiena ġej minn hemm fuq. Intom nies ta’ din id-dinja, imma jien m’iniex ta’ din id-dinja. Kif għedtilkom jien, intom tmutu fi dnubietkom. Għax jekk intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom”.

    “U int min int?”. staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Dak li ili ngħidilkom sa mill-bidu. Għandi ħafna xi ngħid fuqkom u x’nikkundanna fikom; iżda dak li bagħatni, jgħid il-verità, u jiena ngħid lid-dinja dak li smajt mingħandu”.

    Huma ma ntebħux li kien qiegħed ikellimhom fuq il-Missier. Għalhekk Ġesù qalilhom: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier. U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu”.

    Meta tkellem hekk, kienu ħafna dawk li emmnu fih.