• ****

    Direttur:          Will Gluck

    Atturi:              Domhnall Gleeson, Rose Byrne, Sam Neill, Marianne Jean-Baptiste u Felix Williamson

    Ilħna:               James Corden, Daisy Ridley, Margot Robbie, Elizabeth Debicki, Colin Moody,                                                      Domhnall Gleeson u Rose Byrne

    Ħin tal-Film:    93 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       PG

    Peter Rabbit, kuġinuh Benjamin u tliet ħutu bniet, Flopsy, Mopsy u Cottontail kienu jgħaddu l-ħin tagħhom tal-ġurnata jaqbdu ma’ Mr McGregor u jippruvaw jisirqu u jieklu mill-ħaxix li kien jkabbar fil-ġnien tiegħu. Huma kienu ħbieb kbar ta’ Bea, il-ġara ta’ Mr McGregor, li kienet tgħaddi ħafna ħin tpitter kwadri ta’ fniek u tan-natura sabiħa ta’ madwarha.

    Jum wieħed, Peter, aċċidentalment ħalla l-ġakketta tiegħu fil-ġnien. Kif mar biex jġibha lura, McGregor jaqbdu f’nassa, iżda f’daqqa waħda, McGregor imut b’attakk ta’ qalb. Affaxxinat b’dak li ġara, Peter jistieden l-annimali kollha tal-inħawi biex jiċċelebraw fid-dar vojta ta’ McGregor. Sadanittant, ġewwa Londra, Thomas, in-neputi ta’ McGregor li kien jaħdem ġewwa Dipartiment f’Harrod’s kien jistenna li jieħu promozzjoni għax-xogħol li kien iwettaq b’dedikazzjoni kbira.

    Meta jiġi msejjaħ fl-uffiċċju, ħaseb li sejjer jingħata l-aħbar ta’ din l-promozzjoni iżda minflok ħa l-aħbar li zijuh Mr McGregor kien miet. Thomas baqa’ b’xiber imnieħer u tant irrabja li spiċċa mkeċċi minn fuq ix-xogħol. Ftit jiem wara, Thomas jirċievi l-aħbar li hu wiret il-proprjetà ta’ żijuh li kienet tiswa’ il-flus. Għalhekk Thomas iddeċieda li jiddekora d-dar u jqegħda għal bejgħ u bil-flus li jdaħħal jiftaħ negozju tal-ġugarelli qrib Harrod’s biex jikkompeti magħhom.

    Meta jagħmel żjara fid-dar ġewwa l-kampanja, isib diżastru kbir li kienu għamlu l-mistednin ta’ Peter. Thomas jiddikjara gwerra kontra l-fniek billi jibda jtella’ kull forma ta’ ħajt biex żgur il-fniek ma jidħlux. Thomas ma jdumx ma jsir jaf il-ġara tieghu Bea u t-tnejn isiru ħbieb kbar jekk mhux ukoll attratti lejn xulxin. Thomas izda kien determinat li l-gwerra kontra Peter u sħabu tkompli għalkemm Bea kienet kontra l-attitudni tiegħu. X’jiġri minn hawn? Kien jidher biċ-ċar li bejn Thomas u Bea kienet qegħda tiżviluppa relazzjoni ta’ mħabba. Peter xejn ma ħa pjaċir u beda jgħir tant li l-gwerra ħraxet iktar! Kif sejra tispiċċa l-istorja?

    Film animat u komputerizzat b’sengħa kbira, hu taħt id-direzzjoni ta’ Will Gluck, kitba ta’ Gluck u Rob Lieber. Għalkemm hemm xi ċajt goff u vjolenza minħabba pika, iżda għandu messaġġ pożittiv li juri l-importanza ta’ familja, onestà u rikonċiljazzjoni. Ikun tajjeb li l-film jarah kulħadd iżda tfal żgħar ikunu akkumpanjati minn xi adult.