• ***

    Direzzjoni:       Garth Davis

    Atturi:              Rooney Mara, Joaquin Phoenix, Chiwetel Ejiofor,Tahar Rahim, Sara-Sofie Boussnina, Hadas Yaron, Lubna Azabal u Lior Raz

    Ħin tal-Film:    120 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TA-KNISJA:                        12

    Mary Magdalene, tfajla ta’ rieda qawwija, tirrifjuta li tiżżewweġ ir-raġel magħżul minn missierha. Kien għalxejn li dan għamel minn kollox biex hi taċċetta li tagħmel ir-rieda tiegħu. Mary taħrab lejn is-sinagoga biex titlob. Anke hawn issib oppożizzjoni qawwija. Dak iż-żmien, min ma kienx jaċċetta r-rieda tal-ġenituri, kien jitqies bħala diżunur fuq il-familja. Riżultat tad-deċiżjoni li għamlet Mary, ħasbu li kien hemm xitan fiha. Għalhekk ippruvaw ikeċċu dan ix-xitan minnha b’riżultat li kienu kważi qatluha.

    Wara din l-esperjenza qarsa, kollox kellu jinbidel għal Mary meta rat lil Gesu’ minn Nazareth li kien jinsab fl-inħawi, b’folla ta’ nies jiffullaw madwaru, ħerqana biex ifejjaqhom mill-mard tagħhom. Mary taħrab mid-dar u tiddeċiedi li tmur warajħ. Mill-ewwel, Mary tissaħħar wara dan l-Imgħallem u ssir dixxiplu tiegħu. Mary tant daħlet fl-ispirtu tat-tagħlim ta’ Gesu’ li dehret li fehmet lil Ġesu’ anke aktar mill-istess tnax l-appostlu li Ġesu’ kien għażel biex ikunu qribu. Il-messaġġ tiegħu kien messaġġ ta’ mħabba u maħfra.

    Min-naħa tal-appostli, fosthom Pietru, xejn ma jidher li kienu aċċettaw lil Mary Magdalene biex tkun fosthom. Kienu qegħdin iħossu li  din kienet dieħla ‘l ġewwa wisq u li kien hemm iċ-ċans li tkun kawża ta’ diviżjoni fosthom. Interessanti kif Pietru jintbagħat magħha biex iwassal l-aħbar it-tajba ġewwa l-irħula fil-qrib. Mary fehmet tajjeb il-messaġġ ta’ mħabba li Ġesu’ kien qiegħed jippriedka. Dan kuntrarju għal Ġuda li moħħu biex jippromwovi l-idea li Ġesu’ jiġi ddikjarat il-messija tal-poplu Lhudi, il-feddej  mill-ħakma Rumana.

    Fi triqthom lejn Ġerusalem, Marija, omm Ġesu’ tiltaqa’ ma’ binha u d-dixxipli tiegħu, fosthom Mary Magdalene. Omm Ġesu’ tinduna kemm tassew din il-mara kienet tħobb lil binha u tindikalha: “Int tħobbu, hux tassew?”  X’jiġri hekk kif Gesu’ u d-dixxipli jidħlu Ġerusalemm? Xi tkun ir-reazzjoni tal-Appostli u dik ta’ Mary Magdalene hekk kif Ġesu’ jidħol fit-tempju?  X’isir hemmhekk u xi jkun ir-riżultat? X’parti jkollha Mary fl-aħħar jiem ta’ Ġesu’ u x’jiġri wara l-mewt tiegħu li Mary Magdalene kienet hemm bħala xhieda?

    Film, dramm bibliku, msejjes fuq Mary Magdalene li ssaħħret wara Ġesu’ u jagħti stampa oħra minn dik li nafu fejn din il-mara saret appostlu tal-appostli stess. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Garth Davis u kitba ta’ Helen Edmundson u Philppa Goslett.