• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    29 ta’ Marzu 2018

    “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll” (Ġw 13, 9). Dawn il-kliem qalhom Xmun Pietru, maħsud u skandalizzat li l-Imgħallem u l-Mulej beda jaħsel saqajn id-dixxipli, ġest li kien riservat għall-iskjavi tal-familja li kelhom id-dover li, meta jiġu l-mistednin għall-ikel, l-ewwel ħaġa jaħslulhom saqajhom biex ikunu jistgħu jistrieħu komdi fuq id-divani għall-mejda tal-ikel.

    Il-Mulej Ġesù kien jaf eżatt x’kien jagħmel meta “neħħa l-mantar, xedd fuqu l-fardal” (ara v.4) u beda jaħsel riġlejn id-dixxipli tiegħu. Il-Mulej jinsisti li jekk Pietru ma jaħsillux saqajh, Pietru ma jkunx jista’ jidħol f’intimità ma’ Ġesù. Ġesù jinsisti li jrid jagħmel dan il-ġest ta’ umiltà u ta’ purifikazzjoni. Huwa ġest li jagħtih lilna b’konsenja: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (vv. 12-16).

    Kull tip ta’ leadership ma tistax ma tiftakarx f’dan il-ġest tal-Mulej u dan il-kmand perentorju tiegħu.

    Aħna llum nirċievu mingħand il-Mulej id-don tas-saċerdozju u d-don tal-Ewkaristija, imma nirċievu wkoll id-don ta’ dan il-ġest li jsir stil ta’ ħajja, mhux biss missjoni fil-komunità. Kull min fil-komunità Nisranija u f’kull komunità, anke soċjali, li tispira ruħha mill-ethos Nisrani, kull tip ta’ leadership ma tistax ma tiftakarx f’dan il-ġest tal-Mulej u dan il-kmand perentorju tiegħu. Imma l-ewwel nett hu jinsisti li aħna naċċettaw il-ġest tiegħu; li l-ġest tiegħu fil-konfront tagħna, din l-għotja ta’ umiltà u ta’ servizz, issir parti mill-ħajja tagħna: li aħna b’umiltà nilqgħu r-rieda tal-Mulej li jkun ta’ servizz għalina, li jagħti ħajtu għalina. Pietru, skandalizzat għax ma jixtieqx li l-Imgħallem jumilja ruħu daqshekk quddiemu, kellu bżonn jifhem li l-Mulej ried jagħti ħajtu għalih u li ma kellux għalfejn jiskandalizza ruħu li l-Mulej jasal biex jumilja ruħu daqshekk biex jippurifikah.

    Ir-risposta ta’ Xmun Pietru hija risposta immedjata, imma wkoll profonda; għal darb’oħra Xmun Pietru, mingħajr ma jaf, jitkellem f’isem il-Knisja: “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll”. U għaliex ngħid hekk? Għaliex fit-tradizzjoni kostanti tal-Knisja, is-saqajn, l-idejn u r-ras, huma l-membri tal-ġisem li jfakkruna fil-ministeri tal-Knisja. Huma l-membri tal-ġisem li jfakkruna f’dawk li fil-Knisja għandhom is-servizz tal-leadership, li jkunu ragħajja.

    Wieħed mill-ewwel missirijiet tal-Knisja, Cromatio ta’ Aquilea, jinterpreta il-kliem li Ġesù jgħid f’San Mattew: ‘Jekk saqajk tkun ta’ xkiel għalik, aqtagħha barra; jekk idejk tkun ta’ xkiel għalik, aqtagħha barra; jekk għajnejk tkun ta’ xkiel għalik, aqtagħha barra. Aħjar tasal il-ġenna mingħajr wieħed minn dawn, milli jkollok tmur l-infern’ (ara Mt 18, 8-9). Li qed jgħid hu biex ma neħdux dan il-kliem b’mod litterali. Il-Mulej qed jitkellem fuq it-tliet ordnijiet fil-Knisja: is-saqajn huma d-djakni li huma mistiedna jmorru biex jaqdu lill-foqra kull fejn qegħdin, l-idejn huma s-saċerdoti, il-presbiteri, u l-ministeru tar-ras u l-għajnejn huma propju l-isqfijiet. ‘Episcopus’ tfisser dak li jara propju mad-dawra, li għandu l-viżjoni kompleta, nisperaw u nittamaw.

    Pietru jilqa’ mhux  biss l-offerta tal-Mulej, imma jitgħallem li biex ikun mal-Mulej u f’intimità miegħu, irid ikun qaddej.

    Allura, meta Pietru jgħid lill-Mulej: “Mulej, mhux biss saqajja”, mhux id-djakni biss, “imma jdejja”, il-presbiteri wkoll, “u rasi” u l-isqfijiet ukoll, naddafna. Inti u tagħti ħajtek għalina u tgħallimna kif irridu nagħtu ħajjitna lill-aħwa, ippurifikana, ippurikana kollha kemm aħna. B’dawn il-kliem Pietru jilqa’ mhux  biss l-offerta tal-Mulej, imma jitgħallem li biex ikun mal-Mulej u f’intimità miegħu, irid ikun qaddej. Irid jitgħallem jagħti ħajtu, jinsa lilu nnifsu u jagħti ħajtu sal-mewt. Veru li kien bniedem dgħajjef, u aħna miegħu dgħajfin, imma ingħata wkoll, fil-milja taż-żmien, il-grazzja li jagħti ħajtu. Hu li laqa’ l-ġest ta’ tindif, ta’ purifikazzjoni tal-Mulej, ingħata wkoll din l-opportunità: li jkun hu strument tal-purifikazjoni fil-Knisja.

    Il-Mulej għad jgħidlu: “Tħobbni?” “Inti taf, Mulej”. “Irgħa n-nagħaġ tiegħi, irgħa l-merħla tiegħi” (ara Ġw. 21, 16-17). Imma lil Pietru jista’ jistaqsih din il-mistoqsija: ‘Tħobbni inti?’ Għaliex Pietru, minkejja ċ-ċaħda tiegħu, anzi fil-mument taċ-ċaħda tiegħu, hu jiltaqa’ mal-ħarsa tal-Mulej Ġesù, jagħraf li l-Mulej iħobbu anke fid-dgħufija tiegħu, anke fiċ-ċaħda tiegħu, anke fid-dnub tiegħu, u jerfgħu. Ċaħdu tliet darbiet imma tliet darbiet il-Mulej jitolbu li jesprimi l-imħabba tiegħu quddiem kulħadd. “Mulej, mhux saqajja biss imma jdejja u rasi wkoll”.

    Aħna u nibdew niċċelebraw dan it-tridu, dawn it-tliet ijiem li fihom nakuompanjaw l-aħħar mumenti ta’ Ġesù fuq din l-art, li jwassluna għall-ferħ tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, ejjew nitolbu d-don tal-purifikazzjoni, id-don tal-imħabba li tippurifika, tal-imħabba li ssaffi l-egoiżmu tal-qalb tagħna, għall-Knisja kollha: għas-saqajn, għall-idejn, u b’mod speċjali għar-ras.

    Imma fuq kollox nitolbu li l-qalb ta’ kull Nisrani tirtab, li l-ħarsa tagħna fuq il-Mulej Ġesù trattab l-ebusija tal-qalb tagħna, tkeċċi mill-qalb tagħna kull egoiżmu, kull dnub, kull tebgħa ta’ għira, mibegħda u kull ħażen.

    Nadurawk O Ġesù u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejt id-dinja.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Eż 12, 1-8.11-14
    Salm: 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18
    Qari II: 1 Kor 11, 23-26
    Evanġelju: Ġw 13, 1-15
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace