Mal-40% jattendu l-quddies kull nhar ta' Ħadd

74% jmorru l-quddies minn tal-inqas darba fix-xahar

  • Stħarriġ ikkummissjonat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta juri li 92% tal‑Maltin huma Kattoliċi, li minnhom 74% jgħidu li jmorru l‑quddies minn tal-inqas darba fix-xahar. Ir‑riċerka turi wkoll li 40% jattendu l‑quddies kull nhar ta’ Ħadd. Dan kien ikkonfermat miċ‑ċensiment li sar bejn it‑2 u t‑3 ta’ Diċembru li għadda, li wera li l‑attendenza għall‑quddies kienet ta’ 38%.

    Din ir‑riċerka saret għall‑ewwel darba b’metodi differenti (ċensiment kif ukoll stħarriġ) bil‑għan li l‑Knisja jkollha stampa wiesgħa u fattwali tas‑soċjetà biex tippjana u taqdi b’mod aktar effettiv il‑ħidma pastorali tagħha fis‑snin li ġejjin.

    Iċ‑ċensiment tal‑attendenza tal‑quddies tal‑Ħadd sar mid‑Discern (l‑istitut tal‑Knisja għar‑riċerka) permezz ta’ formola li mtliet minn kull min attenda l‑quddies. Iċ‑ċensiment sar f’total ta’ 987 quddies li jsiru f’Malta kull nhar ta’ Sibt u Ħadd, f’329 postijiet bejn knejjes, kappelli u postijiet oħra ta’ talb. L‑attendenza kienet ta’ kważi 122,000, jiġifieri 38%, li jfisser medja ta’ 123 persuna għal kull quddiesa. Iċ‑ċensiment ma jinkludix l‑attendenza ta’ dawk l‑imgħammdin li għandhom inqas minn seba’ snin u ta’ dawk li minħabba mard jew kura fl‑isptarijiet ma jistgħux imorru l‑Knisja.

    L‑istħarriġ bit‑telefown, li sar minn Misco International fost kampjun ta’ elf ruħ, sar wara ċ‑ċensiment bejn l‑4 u t‑8 ta’ Diċembru li għadda. Dan l‑istħarriġ kien intenzjonat ukoll sabiex il‑Knisja tisma’ lil kulħadd inkluż lil dawk li ma jmorrux quddies. Fost dawk li ma jattendux il‑quddies kien hemm min qal li ma jaqbilx mat‑tagħlim tal‑Knisja jew li ma jsibx ħin biex jattendi l‑quddies. Fost dawk li qalu li huma Kattoliċi, 75% qalu li jitolbu kuljum, 17% jitolbu b’mod regolari u 8% ma jitolbux.

    Ir‑riżultati finali ta’ din ir‑riċerka ser jiġu analizzati minn kumitat pastorali bil‑għajnuna ta’ esperti, li ser jitwaqqaf mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna. Dan il‑kumitat, flimkien mal‑kappillani tas‑70 parroċċa f’Malta, ser jissuġġerixxi l‑bidliet li hemm bżonn fid‑dawl tal‑pjan pastorali li qed jitħejja, u jagħraf l‑opportunitajiet li jeżistu biex il‑Knisja xxandar il‑Bxara t‑Tajba. L‑għan hu li l‑Knisja tilħaq aktar nies fil‑periferija u tkompli tkun ta’ servizz għan‑nies fil‑ħajja tagħhom ta’ kuljum.