• L-Erbgħa tat-Tielet Ġimgħa tal-Għid

    San Ġwann 6:35-40 

    F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx! Imma jiena ġa għedtilkom li, għalkemm rajtuni, ma emmintux.

    Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

    Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”.