Filmat: L-istudenti tas-Seminarju jiċċelebraw il-ħajja f'kull forma tagħha

  • 
  • Din il-ġimgħa kienet ġimgħa speċjali għall-istudenti li jattendu l-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof, f'tal-Virtù, hekk kif wara l-vaganzi tal-Għid, il-lezzjonijiet u l-attivitajiet kollha ppjanti kellhom tema waħda: iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja.

    Il-qofol tal-ġimgħa ntlaħaq il-Ġimgħa filgħodu, 13 ta' April 2018, fil-Palazz tal-Verdala, fejn permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ kant, mużika, żfin, sport u ta’ talb, l-istudenti esperjenzaw is-sabiħ tal-ħajja f’kull forma tagħha. Waqt l-attività li għaliha kienet preżenti l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, l-istudenti qraw dikjarazzjoni favur il-ħajja tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent lill-membri parlamentari preżenti.

    Fil-messagg tiegħu lill-istudenti, lill-istaff tal-iskola u lill-ġenituri, l-Arċisqof Charles J. Scicluna appella biex japprezzaw il-ħolqien kollu. Irringrazzja lill-istudenti talli fid-dikjarazzjoni taw importanza lid-don tal-ħajja u qalilhom biex fil-ġurnata ta’ għeluq sninhom ma jinsewx jgħidu grazzi lill-ġenituri tagħhom għaliex id-don tal-ħajja ġej permezz tal-imħabba ta’ bejniethom.

    Matul l-attività l-istudenti qasmu wkoll l-esperjenzi li għaddew minnhom din il-ġimgħa, meta fost l-oħrajn żaru djar tal-anzjani, nursery, żergħu pjanti u fjuri madwar l-iskola tagħhom, u fil-Belt Valletta qassmu messaġġi favur il-ħajja.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja - Ian Noel Pace