• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kappella tad-Dar tal-Anzjani ‘Santa Katerina’, Ħ’Attard

    21 ta’ April 2018

    Ippermettuli niba b’nota personali. Issa ilu iżjed minn 25 sena, Madre Marija, tiftakar li kont niġi nqaddes hawnhekk kuljum tas-6:45 ta’ filgħodu bil-mutur mill-Iklin? u Ma’ din il-kappella għażiża għandi ħafna memorji sbieħ, nixtieq inġeddidhom u nirringrazzja ’l Alla li qed nibda ż-żjara pastorali f’Ħ’Attard propju minn hawnhekk, minn din il-kappella li fiha qaddist għal diversi snin. Niftakar ukoll F’tant sorijiet u residenti li m’għadhomx magħna u nitolbu ħafna għalihom. Qed nieħu pjaċir nara wċuh li għalkemm għaddew iżjed minn 25 sena, għadhom uċuh żgħażagħ.

    Fl-Evanġelju tal-lum li għadu kemm qara l-Kappillan Dun Noel, Ġesù juża’ din l-espressjoni u jirrepetiha iżjed minn darba: “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb” (Ġw 10:11). Jgħid ‘ragħaj tajjeb’ għaliex jispjega li hemm ragħajja li mhumiex tajbin għaliex huma mikrija, li ma jimpurtahomx min-nagħaġ għax in-nagħaġ mhumiex tagħhom u li meta jkun hemm il-periklu, jaħarbu. “Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ” (Ġw 10:18).          

    Ir-ragħaj it-tajjeb, u Ġesù din jispjegaha, huwa dak li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10:15). Il-kelma ‘tajjeb’ bil-Grieg, il-lingwa li bih inkiteb l-Evanġelju, tfisser kemm ‘tajjeb’ jiġifieri ‘tjubija’ imma wkoll tfisser ‘sabiħ’. Persuna li forsi minħabba t-tjubija tagħha tattirak u tiġbdek lejha. Illum fid-dawl ta’ din il-kelma ta’ Ġesù nixtieq nitolbu l-Mulej jagħtina ragħajja li jiġbdu l-merħla minħabba t-tjubija tagħhom, li jkunu lesti jagħtu ħajjithom għan-nagħaġ.      

    Aspett ieħor tar-ragħaj it-tajjeb, skont Ġesù, huwa li r-ragħaj jagħraf in-nagħaġ tiegħu u n-nagħaġ tiegħu jagħrfu lilu (Ġw 10:14); huwa ragħaj li kapaċi jidħol fi djalogu u f’komunjoni mal-merħla. Mhux dejjem faċli għax kultant donnu nkunu qegħdin fuq wavelengths differenti. Imma kemm hi ħaġa sabiħa u ta’ din ukoll nitolbu lil Mulej li l-kelma tar-ragħaj issib min jismagħha u li r-ragħaj jisma’ bil-qalb il-merħla tiegħu.       

    Kemm hi ħaġa sabiħa meta fil-Knisja min għandu din il-missjoni li jkun ir-ragħaj f’isem Ġesù, mhux biss jagħti ħajtu b’servizz imma wkoll ikun f’kuntatt kontinwu mal-merħla tiegħu. Ġesù jippreokkupa ruħu għan-nagħaġ li mhumiex f’komunjoni imma x-xewqa kbira tiegħu hi li jkun hemm “merħla waħda u ragħaj wieħed” (Ġw 10:16). 

    It-tielet aspett tar-ragħaj it-tajjeb huwa l-ubbidjenza lejn il-Missier. Ġesù jgħid li huwa r-Ragħaj it-Tajjeb għaliex jobdi lill-Missier: “Il-Missier iħobbni għax nagħti ħajti” (Ġw 10:17). Issa hu jgħid ukoll li jerġa’ jeħodha ħajtu u f’dawn iż-żewġ espressjonijiet qed ifisser dak li għadna kif iċċelebrajna u għadna niċċelebraw għax nibqgħu niċċelebrawh għal ħamsin jum.    

    “Jiena nagħti ħajti,” Ġesù qed jgħid, “fil-misteru tal-passjoni u l-mewt tiegħi imma nerġa’ neħodha” (ara Ġw 10:17) u dan huwa misteru tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. “Ħadd ma jeħodhieli iżda jien nagħtiha minn rajha” (Ġw 10:18). Aħna ħafna drabi ngħidu ‘qtilnih aħna’ lill-Mulej, ‘aħna sallabnih’. Imma ma ninsew qatt li fil-Evanġelju tal-lum jinsisti li hu offra lilu nnifsu bil-qalb għalina. Hu jgħid: “għandi s-setgħa li nagħtiha, ir-rieda qawwija li jiena noffri ħajti u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha” (ara Ġw 10:18) għaliex hu qam mill-imwiet fit-tielet jum. U jinsisti li din hija l-ordni li ħa mingħand il-Missier.

    Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu, ir-ragħaj it-tajjeb jagħraf in-nagħaġ tiegħu, ir-ragħaj it-tajjeb jobdi lill-Missier. Illum f’dan ir-Raba’ Ħadd tal-Ghid, il-komunità Nisranija tħares lejn ir-ragħajja tagħha u titlob biex ikunu ragħajja li jagħtu ħajjithom, ragħajja qrib il-merħla, ragħajja li jobdu lill-Missier.

    Illum b’mod speċjali nitolbu għad-don tal-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Nitolbu biex aħna qatt ma jonqsulna ragħajja tajba, ragħajja skont il-Qalb ta’ Ġesù.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 4, 8-12
    Salm: 117 (118), 1.8-9.21-23.26.28ċd.29
    Qari II: 1 Ġw 3, 1-2
    Evanġelju: Ġw 10, 11-18
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace