• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Knisja Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara
    25 ta’ April 2018

    Ftit ġranet ilu, il-Papa Franġisku ppubblika dokument bit-titlu ‘Ifirħu u Thennew(Gaudete et Exsultate). Fih jitkellem fuq is-sejħa tagħna għall-qdusija. Jgħid li l-qdusija mhijiex għax tagħmel xi ħaġa kbira li tissemma, imma għax tgħix il-ħajja ordinarja tiegħek f’għaqda ma’ Alla, miftuħa għall-imħabba tiegħu għax huwa Hu li jsalvana, u b’imħabba kbira lejn l-oħrajn.

    Jien u naqra dan id-dokument ftakart ħafna fil-qaddis patrun ta’ din il-parroċċa, San Ġużepp Ħaddiem, li għex ħajja mill-iktar ordinarja, li f’ħajtu ħadd ma rah bħala xi ħadd speċjali, imma li hu xempju ta’ qdusija. Kellu missjoni speċjali ħafna, imma hu stess m’għamilx affarijiet ta’ barra minn hawn. Għex il-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum. Fl-Evanġelju ma nsibux kliem li qal, imma kien bniedem ta’ azzjoni. Kien bniedem umli, ta’ fidi kbira, li jittama kontra kull tama, li jserraħ fuq il-kelma ta’ Alla u jafda fih; kien bniedem ta’ qalb kbira li dejjem ħaseb fl-oħrajn b’imħabba kbira. Dawn huma kollha kwalitajiet sbieħ li neħtiġuhom ħafna fil-bini tal-komunità, u għalhekk kull min jagħti s-sehem tiegħu fil-ħajja ta’ din il-parroċċa jagħmel tajjeb jekk ifittex l-ispirazzjoni u l-għajnuna f’San Ġużepp.

    Fil-ftit siltiet li San Ġużepp jissemma’ fl-Evanġelju, dejjem insibuh protettur tal-ħajja.

    Hemm ħafna x’jgħallimna, imma llum jien nixtieq nenfasizza xi ħaġa partikulari f’San Ġużepp, u nipproponiha lilkom li qed isservu hawnhekk f’din il-parroċċa. Ħa nħarsu lejn l-istatwa sabiħa ta’ San Ġużepp Ħaddiem li għadha kif ġiet restawrata. F’din l-istatwa, hu qiegħed iżomm b’idu waħda t-tavla u l-id l-oħra qiegħda fuq Ġesù. Nixtieq li niffokaw fuq dik l-id li qiegħda fuq l-ispalla ta’ Ġesù għax għandha messaġġ qawwi għalina. Hi id ta’ protezzjoni. Hi id li turi preċiżament dak li San Ġużepp kien għal Ġesù: dak li offra protezzjoni sħiħa għall-ħajja ta’ Ġesù.

    San Ġużepp għamel minn kollox biex iħares il-ħajja ta’ Ġesù mill-ewwel mumenti tagħha.

    Fil-ftit siltiet li San Ġużepp jissemma’ fl-Evanġelju, dejjem insibuh protettur tal-ħajja. Fil-bidu nett, hu protettur tal-ħajja ta’ Marija meta, f’ċirkustanzi diffiċli li ma setax jifhimhom, ħaseb mal-ewwel kif se jsalva ħajjitha. Fl-istess waqt, kien protettur tal-ħajja ta’ Ġesù mhux biss meta twieled, u wara li twieled – u nafu kemm kellu jiġri minn post għall-ieħor biex il-ħajja ta’ Ġesù tarbija tkun imħarsa –  imma minn qabel ma twieled, meta Ġesù kien għadu ftit ċelloli li mbagħad żviluppaw f’ħafna ċelloli.

    Bħal San Ġużepp, ilkoll imsejħin biex inħarsu l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem

    San Ġużepp kien jaf, bħalma nafu aħna llum, li l-ħajja umana tibda mhux mat-twelid imma mat-tnissil. U San Ġużepp għamel minn kollox biex iħares il-ħajja ta’ Ġesù mill-ewwel mumenti tagħha.

    Dan hu messaġġ imporanti li jagħtina. Bħal San Ġużepp, ilkoll imsejħin biex inħarsu l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem, biex naħdmu ħalli nxerrdu madwarna kultura ta’ promozzjoni u ħarsien tal-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Dan l-eżempju ta’ San Ġużepp hu tassew rilevanti llum, meta hawn min qed jagħlaq għajnejh biex ma jarax ir-realtà, li x-xjenza tgħidilna, li l-ħajja umana qiegħda ġa hemm fit-tnissil.

    Għalhekk meta nħarsu lejn l-istatwa sabiħa ta’ San Ġużepp Ħaddiem b’Ġesù miegħu, ma niqfux biss nammirawha. Hemm x’tammira, verament; imma aħna u nħarsu lejha niftakru li San Ġużepp għandu dak it-tfajjel ħdejh qed iżommlu l-martell għax ipproteġih u ħarsu sa mill-bidu nett, u dak it-tfajjel ra d-dawl għax kien hemm min ħarsu u ddefendih qabel twieled.

    Inkunu xempju tal-għożża tal-ħajja

    Hu dan li jġib tassew il-ferħ, meta aħna l-ħajja ngħożżuha u nħarsuha dejjem mill-ewwel mument tagħha, tul is-snin, sat-tmiem naturali tagħha. Għalhekk l-awgurju tiegħi lil dawk kollha li huma verament impenjati b’qalbhom kollha f’din il-komunità hija li nkunu xempju tal-għożża tal-ħajja.

    Dan ifisser ukoll li aħna nħarsu lejn kull persuna li tiġi f’din il-parroċċa, hi min hi ta’ liema razza, kulur, tip, bħala persuna b’dinjità, li għaliha Ġesù Kristu ta ħajtu. Kull min jiġi hawn għandu jsibna nilqgħuh b’idejna miftuħa. Nilqgħuh ħalli nistgħu nlaqqgħuh ma’ Ġesù li jagħti l-ħajja u jġib il-paċi u l-ferħ ġenwin. U lil min ma jiġix ’l hawn, għandna fittxuh b’qalb kbira biex hu wkoll ikun jista’ jduq il-ferħ veru ta’ Ġesù. Ngħożżu l-ħajja ta’ kull persuna, u dan imexxina biex ngħinu lil min hu mnikket jew imweġġa’, min qed jaħbat jaqta’ qalbu mill-ħajja jew qed jogħtor taħt it-toqol tas-salib. Jalla dawn il-persuni jsibu fina lkoll kenn u  għajnuna biex jerġgħu jqumu għal ħajja ġdida u jkunu jistgħu jduqu l-ferħ tal-Evanġelju.

    Nitolbu lil San Ġużepp Ħaddiem jagħtina l-għajnuna biex bħalu ngħożżu dejjem il-ħajja u nwasslu din l-għożża lil kull min jgħix f’din il-komunità.

    Mons. Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali, Arċidjoċesi ta’ Malta