Kun afna, sir af il-poplu tiegħek u tħabrek biex twasslu lejn Ġesù - L-Arċisqof lill-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa San Sebastjan

Quddiesa tal-pussess ta' Dun Ewkarist Zammit bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta' San Sebastjan, Ħal Qormi

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali San Sebastjan, Ħal Qormi
    14 ta’ April 2018

    “Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-Awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet u ta’ dan aħna xhieda” (Atti 3, 14-15). L-appostlu Pietru jaffaċċja lill-poplu bid-dnub tiegħu. Ma jiddejjaqx jurih it-tradiment tiegħu imma jgħidlu ukoll l-Aħbar it-Tajba tar-risposta ta’ Alla għad-dnub tagħna: il-qawmien ta’ ibnu Ġesù mill-imwiet. U jgħid ukoll li hu xhud ta’ dan il-qawmien. Jaf li hu wkoll ċaħad lill-Imgħallem. Kien jaf ukoll li l-ħarsa ta’ Ġesù kienet ħarsa li tistiednu għall-indiema imma jaf ukoll li bil-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, huwa ġie magħżul ikun xhud. “Indmu, mela, erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom” (Atti 3:19) għaliex il-maħfra li tiġi mill-indiema vera, tiftaħ għajn ta’ paċi fuq l-individwu u fuq il-komunità.    

    Il-Mulej Ġesù fl-Evanġelju li għadu kemm qara l-kappillan, meħud mill-kapitlu 24 ta’ San Luqa, jerġa’ jiltaqa’ mal-ħdax. Jagħtihom is-sliem tiegħu u jsibhom imwerwrin bil-biża’, jaħsbu li raw xi fantażma u anke waqt li jgħarfuh, fil-ferħ tagħhom jibqgħu mħawdin. “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom?” (Lq 24:38). Huma fil-ferħ tagħhom kienu għadhom ma jridux jemmnu u bagqħu mistagħġba. Hu jiekol xi ħaġa magħhom, jidħol f’intimità profonda magħhom. Il-ġest tal-ikel flimkien fil-kultura Mediterranja, huwa ġest ta’ intimità, ġest ta’ ħbiberija.    

    Meta mbagħad jidħol it-tradiment f’din il-ħbiberija, ikun tradiment tassew kiefer u għalhekk Ġesù, meta jsemmi lit-traditur, jgħid: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu” (Ġw 13:26).  Imma f’din l-ikla ta’ rikonċiljazzjoni jagħżel li dik tkun ikla fejn mhux biss jaħfer imma ukoll iħabbeb miegħu lil dak li hu afda b’missjoni kbira.         

    “‘Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura” (Lq 24, 44-45). F’din il-laqgħa tiegħu jirrepeti ruħu  l-ġest li għamel maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws fit-triq tagħhom lejn ir-raħal. Beda jispjegalhom l-Iskrittura, jispjegalhomn li kellu jbati u hekk jidħol fil-glorja tiegħu u huma “għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35).     

    F’din il-laqgħa mad-dixxipli l-Mulej jiekol magħhom u jiftħilhom moħhom biex jispjegalhom tajjeb u huma jifhmu l-Iskrittura, imma mbagħad jagħtihom missjoni kbira: “Intom xhud ta’ dan” (Lq 24:48). “Hekk kien miktub, li  l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm” (Lq 24, 46-47). “Intom xhud ta’ dan”.    

    Għażiż kappillan, il-ġenituri tiegħek għażlu li jagħtuk isem sabiħ ‘Ewkaristu’. Aħna nafuk bħala Karist. Dan l-isem li jfakkarna li ħajjitna trid tkun ringrazzjament lil Alla, li l-ħajja tan-Nisrani trid twasslu biex jieħu sehem fl-Ewkaristija li hija s-sagrifiċċju tal-maħfra ta’ dnubietna, l-ikla mal-Mulej u tqarbina li tqarribna lejn xulxin.     

    Kun int ix-xhud ta’ dan kollu li l-poplu għażiż ta’ din il-parroċċa sabiħa u kbira, parroċċa li għandha l-għatx u l-ġuħ għall-kelma ta’ Ġesù, mhux biss għall-inbid u l-ħobż bnin li jagħmluha famuża. Wara kollox Ħal Qormi jfakkarna fid-dielja u l-fran, għalkemm qegħdin jonqsu, xi wħud minnhom għadhom magħna, fid-DNA ta’ dan ir-raħal. Dan huwa post li fit-tradizzjoni tiegħu joffri l-elementi għall-Ewkaristija. Inti trid tittrasforma l-offerta qaddisa tal-poplu ta’ Alla fil-preżenza ħajja ta’ Ġesù.      

    Inti msejjaħ biex tkun xhud ta’ Ġesù li bata u miet għalina, xhud ta’ Ġesù li qam għalina wkoll. Inti trid tkun xhud, trid tkun martri bħalma kienu martri San Ġorġ u San Sebastjan, kienu xhieda tal-Mulej. Meta naqra li l-Mulej Ġesù juri l-pjagi tiegħu u jgħidilhom: ‘Dawn huma jdejja u riġlejja li għandhom il-marki tal-imsiemer u tal-lanza’  (ara Lq 24, 39), niftakar ukoll li l-martri tagħna għandhom il-marki tal-vjolenza x’juru li huma xhieda ta’ Ġesù. Inti trid itterraq it-toroq tar-raħal —li mhumiex ftit— u titla’ u tinżel tarġien li minnhom hawn hafna biex tiltaqa’ mal-pjagi ta’ Ġesù u tkun xhud tal-maħfra li jġib u tal-imħabba tiegħu.    

    Jiena nirringrazzja lis-soċjetà ċivili għax naf li laqgħatek, bħalma laqa’ tant kappillani qablek li wħud minnhom qegħdin hawn, inkluż il-patrijarka Dun Viċenż. Dun Viċenż, jien niftaktek bħala tifel ċkejken, tiġi bħala viċi, meta kien kappillan il-mibki Dun Ġużepp Cauchi, imma niftakrek ukoll issir kappillan fl-1969. Is-sena d-dieħla niċċelebraw il-ħamsin sena minn mindu fraħtlu li l-Arċisqof kien bagħtek fostna bħala ragħaj. U inti parti minn din is-sensiela ta’ kappillani li taw ħajjithom għal din il-parroċċa.   

    Għażiż Kappillan, Dun Ewkarist, inti parti mit-tradizzjoni kbira ta’ kappillani li bl-imħabba tagħhom attiraw vokazzjonijiet, li ħabbew lill-poplu Qormi, li dak li għandu jgħidlek, jgħidulek, mhux hekk aħna l-Qormin? Imma qalbu f’idejh! Dun Ewkarist, inti taf biżżejjed! Għamilt xi żmien fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ u issa ilek hawnhekk ukoll, naħseb tafna biżżejjed! Taf ukoll li aħna nsibu lil xulxin bil-kunjom imma l-iżjed bil-laqam. Kun afna, sir af il-poplu tiegħek u tħabrek biex twassal lil dan il-poplu għażiż, iddedikat taħt it-titlu sabiħ ta’ San Sebastjan Martri, lejn Ġesù. Aħna l-qaddisin tagħna nħobbuhom u bir-raġun, imma x’jiswa jekk ma jwassluniex lejn Ġesù? Dik hi l-ħerqa! San Sebastjan, li r-relikwa tiegħu qiegħda fuq l-artal llum, hu ħerqan bil-li bl-għajnuna tiegħek u tas-saċerdoti li jgħinuk iwassal il-Ġesù lill-membri ta’ din il-parroċċa.  

    Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lis-saċerdoti li qdew f’din il-parroċċa, li għalissa qegħdin ukoll jaqdu f’din il-parroċċa, għaliex naf li fihom issib sostenn, kenn u kelma ta’ ġid. U napprezza wkoll li inti qed tistmahom mhux biss bħala ħutek imma tistma wkoll il-kelma u l-parir tagħhom. Nirringrazzja wkoll lil-lajċi li laqgħuk u li lesti jaħdmu miegħek biex din il-parroċċa tibqa’ dejjem dik li kienet: parroċċa sabiħa u mbierka.    

    L-aħħar barka li nitlob huwa li l-Mulej ibierek il-ministeru tiegħek bil-vokazzjonjiet saċerdotali. Qed nara ħafna abbatini jien u żgħażagħ u jalla l-Mulej ibierek lil din il-parroċċa —anke bit-talb tas-saċerdoti li ġew qabilna u li issa qegħdin quddiem il-Mulej— bil-vokazjonijiet.

    Insellem ukoll liż-żgħażagħ li qegħdin jippreparaw għas-Sagrament taż-Żwieġ u nagħmlilhom kuraġġ biex ma jibżgħux jagħmlu l-pass u jagħtu ħajjithom għaliex f’dak il-pass u f’dik il-għotja, hemm il-barka, hemm il-paċi. Huwa pass u għotja li jiswew ħafna għax kollox għandu l-prezz tiegħu imma jkun barka għal din il-parroċċa u għall-pajjiżna meta jkollna żgħażagħ li mhux biss jafu jgħidu ‘inħobbok’ imma jafu jħarsu lejn xulxin u jgħidu: ‘Jiena nħobbok għal dejjem’.  

    Għażiż Kappillan, bl-għotja tiegħek u ta’ ħajtek, kun int li twieżen lil kull membru tal-parroċċa għażiża tagħna. Il-Mulej ikun miegħek, il-Madonna tgħinek żgur u San Sebastjan jidħol għalik.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 3, 13-15.17-19
    Salm: 4, 2.4.7.9
    Qari II: 1 Ġw 2, 1-5a
    Evanġelju: Lq 24, 35-48