• ****

    Direttur:          Jason Reitman

    Atturi:              Charlize Theron, Mackenzie Davis, Mark Duplass u Ron Livingston

    Ħin tal-Film:    96 min          

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Marlo hi omm b’żewġt itfal u tgħix ġewwa subborg f’New York. Kienet waslet biex twelled it-tielet tarbija tagħha.  Għal Marlo kollox kellu jinbidel bil-wasla ta’ Mia. Għalkemm it-tqala marret tajjeb u t-twelid kien normali iżda Marlo jidher li baqgħet iġġorr il-piż mhux biss tat-tarbija iżda wkoll il-piż tad-dinja ta’ madwarha.

    Drew, ir-raġel tagħha ma kienx tant effettiv, kien jaħdem b’dedikazzjoni kbira fil-karriera li kellu, jgħin lit-tfal  fil-homework tagħhom u jtemm il-jum billi joqgħod jilgħab videogame. It-tifel Jonah kien joħloq xi problemi wkoll minħabba li kien ibati minn kundizzjoni ta’ awtiżmu, għalkemm Marlo ma kenitx tammetti li kien hekk.

    Mark ħuha, li kien sinjur u miżżewweġ, ra l-ħtieġa li jagħmel xi ħaġa biex jgħin il-familja t’oħtu. Għalhekk issuġġerixxa li Marlo jkollha għajnuna billi hu stess jħallas għas-servizz ta’ nanny biex tieħu ħsieb it-tarbija l-aktar matul il-lejl. Marlo għal bidu rreżistiet l-offerta iżda wara ftit gimgħat fejn kienet waslet fi stat ta’ breakdown u kważi waslet fil-qiegħ, ċediet u ċemplet fuq in-numru li kien taha ħuha Mark. Kienet deċiżjoni għaqlija li kellha tbiddel ħajjet Marlo. Tully, tfajla ħelwa ta’ sitta u għoxrin sena ġabet bidla kbira fil-ħdan il-familja. Tully għalkemm mhux ta’ età kbira iżda kienet matura, mimlija ħajja, ġeneruża u ta’ qalb kbira. Ix-xogħol ewlieni  ta’ Tully kien li tieħu ħsieb lil Mia matul il-lejl biex b’hekk Marlo kien ikollha lejl mistrieħ ħlief meta kien hemm il-ħtieġa li tredda lit-tarbija. Tully kienet ukoll tieħu ħsieb l-indafa  tad-dar għalkemm ma kienx mistenni minnha u anke xi kultant kienet tagħmel xi ħaġa tal-ħelu għat-tfal. Tully ukoll ivvolontarjat biex tqajjem l-interess mill-ġdid il-ħajja sesswali ta’ Marlo. X’jiġri meta Tully tikkonvnċi lil Marlo biex flimkien jieħdu ftit sigħat ‘off’ u jmorru fejn darba Marlo kienet tmur tiżfen u tixrob ma’ sħabha?

    Film Amerikan, dramm-kummiedja, taħt id-direzzjoni ta’ Jason Reitman u kitba ta’ Diablo Cody. Il-ġrajja tlaqqgħana ma’ Marlo hekk kif twelled it-tielet tarbija tagħha fost il-ħafna problemi li kellha qabel, fosthom tifel li kien ibati mill-problema tal-awtiżmu. Kollox jinbidel meta tidħol it-tfajla Tully li ssalva l-qagħda! Minħabba t-tema tal-film li titratta l-problemi li l-ommijiet jiltaqgħu magħhom fit-twelid ta’ tarbija, xi kliem goff, kif ukoll xi valuri żbaljati u kontenut qawwi sesswali, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.