• Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Università ta’ Malta fetħu l-bibien lejn futur ta’ kollaborazzjoni wara li ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim.

    Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li “permezz ta’ kultura ta’ sehim u t-twessigħ tal-orizzonti tagħna, nistgħu nħarsu lejn kollaborazzjoni bħal din bejn l-Università ta’ Malta u sit ta’ wirt dinji bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann bħala waħda progressiva u bħala mezz biex tintuża l-kompetenza sabiex intejbu l-għarfien tagħna dwar monumenti bħal dawn.” 

    Hu kompla jgħid li “permezz ta’ din is-sħubija, issa nistgħu nitgħallmu u niskopru aktar dwar din il-binja maestuża u fl-istess ħin ċert li l-istudenti fl-Università se japprezzaw aktar dan il-monument  meta jkunu hawnhekk.  Pajjiżna huwa mogħni bi storja u kultura rikka, u permezz ta’ kollaborazzjoni ta’ dan it-tip qegħdin inħeġġu li jikber aktar l-għarfien tal-istorja tagħna.”

    Wilfrid Buttigieg, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, spjega li “dan huwa mument storiku, li qed iwitti t-triq għat-trasformazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann f’ċentru ta’ riċerka kemm għall-akkademiċi kif ukoll għall-istudenti.  Qed insejħulu storiku għax huwa biss biż-żmien li nistgħu napprezzaw il-frott ta’ dan il-bidu ġdid. Aħna nemmnu li l-Università hija istituzzjoni importanti ħafna għalina. Ir-risorsi, speċjalizzazzjonijiet u kompetenza disponibbli fl-Università huma lil hinn minn dawk li nistgħu nimmaġinaw, u allura din issostni it-twemmin tagħna f’dan il-ftehim reċiproku. Bħala Fondazzjoni għandna d-dmir, skont l-istatut, li nippubblikaw u nagħtu s-setgħa lir-riċerkaturi u l-akkademiċi.  Dan il-Memorandum ta’ Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess lill-Università ta’ Malta u l-fakultajiet, dipartimenti u istituzjonijiet rispettivi għall-wirt kollu li jinsab fil-bini tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Mużew tiegħu,” ikkonkluda is-Sur Buttigieg.

    Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, qal li sforz kollaborattiv bħal dan mal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann żgur se jibbenifika lir-riċerka akkademika u jtejjeb aktar l-għarfien dwar il-ġawhra unika storika u artistika li l-Konkatidral jirrappreżenta. Huwa qal, “Dan il-Ftehim jipprovdi l-opportunità għall-istudjużi tal-Università ta’ Malta li jesperjenzaw kuntest daqshekk manjifiku u jiżviluppaw l-għarfien tagħhom f’monument ta’ klassi mondjali”.

    Michael Pace Ross, rappreżentant tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, faħħar is-sħubija bejn l-Istat u l-Knisja li issa qiegħda tiġi wkoll estiża lejn l-Università ta’ Malta.  Huwa jemmen li “l-Fondazzjoni qed jirnexxilha żżomm il-bilanċ korrett biex tikkoopera ma’ dawk kollha involuti u li tikseb riżultati meta tagħmel dan.  It-turiżmu f’Malta bbażat fuq il-fidi jista’ jwassal sabiex jitjieb aktar is-soġġorn tal-viżitaturi fuq il-gżira.”

    Il-Konferenza għall-aħbarijiet ġiet magħluqa mis-Sur Buttigieg li introduċa lil Dott. Sebastiano D’Amico, mill-Università ta’ Malta, li dan l-aħħar mexxa ttestjar tal-lapidi bil-GPR (radar li jippenetra l-art), u li pproduċa riżultati tassew affaxxinanti ta’ dak li hemm taħt uħud mil-lapidi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.