• *****

    Direttur:          James McTeigue

    Atturi:              Gabrielle Union, Billy Burke, Richad Cabral, Ajiona Alexus, Levi Meaden, Seth Carr, Mark Furze, Jason George, Christa Miller u Damien Leake

    Ħin tal-Film:    88 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Missier Shaun Russell waqt li kien qiegħed jaqsam it-triq hekk kif kien qiegħed itemm il-ġirja tas-soltu, jintlaqat minn karozza. Kien jidher biċ-ċar li ma kienx inċident stradali sfortunat, iżda kien ippjanat. Minn dak li nsiru nafu, missier Shaun kien mhux biss sinjur kbir, iżda wkoll kien fil-mira ta’ nies kriminali. Shaun wirtet d-dar li fiha kienet trabbiet. Issa li missierha safa’ maqtul, tiddeċiedi li, flimkien mat-tfal tagħha, Jasmine u Glover, jgħaddu tmiem il-gimgħa fid-dar qabel ma tpoġġiha għal bejgħ.

    Din id-dar, barra li kienet dar lussuża, kienet ukoll mgħammra bl-aħħar sistemi ta’ sigurtà li wieħed kien qatt jista’ jimmaġina. Kienet dar impenetrabbli, mhux faċli li tidħol ġewwa biex tisraq. Shaun hekk kienet taħseb iżda meta tasal flimkien mat-tfal ġewwa d-dar, ftit wara li kienu hemm, erbgħa kriminali kienu ġa hemm jistennewhom. It-tfal spiċċaw ostaggi fid-dar iżda Shaun li marret barra ddur dawra madwar id-dar minn barra, tiġi assaltata minn wieħed minnhom. Shaun toffri reżistenza tant li anke jirnexxila tferih b’daqqa ta’ tazza u żżommu marbut minn idejh u ħalqu. Shaun jirnexxila tagħmel dan għaliex kienet tgħallmet sew l-arti marzjali.

    Meta tmur lura lejn id-dar tintebaħ b’dak li kien ġara u tara liż-żewġ uliedha marbuta u miżmuma bħala ostaġġi. Shaun tirċievi telefonata mingħand il-kap tal-kriminali u jgħidilha li hu kien wieħed minn dawk li kienu jinsabu fid-dar u kienu hemm għax xtaqu xi ħaġa li kienet tinsab fid-dar. Iwwissiha wkoll li jekk trid li t-tfal tagħha ma jinqatlux kien hemm bżonn li hi tikkoopera għal kollox. Shaun għalkemm fehmet sew il-periklu li kienu jinsabu t-tfal, tiddiżabilta id-dawl tad-dar u tara kif tagħmel biex tidħol fid-dar għalkemm ma kienx daqshekk faċli. X’jiġri meta tidħol fid-dar? Tgħid jirnexxila tgħeleb lill-ħallelin li kienu daħlu fid-dar u kienu ddeterminati li jisirqu l-flus kollha li kienu jinsabu hemm, akkost ta’ kollox?

    Film Amerikan, dramm interessanti fejn niltaqgħu ma’ omm li kienet lesta biex tagħmel minn kollox biex issalva liż-żewġ uliedha li kienu qegħdin jinżammu ostaggi. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ James McTeigue u kitba ta’ Ryan Engle. Minħabba vjolenza, minaċċi kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.