• L-imejls, it-telefonati, il-messaġġi u s-social media qegħdin kollha f’kompetizzjoni waħda biex jiġbdu l-attenzjoni tagħna u jinfluwenzawna. Il-midja l-ħin kollu tgħaddilna informazzjoni li xi drabi tkun korretta u drabi oħra mmanipulata jew saħansitra falza (fake news).

    Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni (13.05.18), il-Papa Franġisku jgħid li “l-unika rimedju għall-virus tal-falsità hu li nħallu l-verità ssaffina”. Għalina l-Insara, dan ifisser li jserraħ fuq dak li huwa “veru” u li nistgħu nafdaw fih, jiġifieri Alla l-ħaj.

    Il-Papa jgħid li “l-aħjar rimedju kontra l-falsità mhumiex l-istrateġiji, iżda l-persuni: persuni ħielsa mir-rebgħa, lesti li jisimgħu lill-oħrajn u jagħmlu sforz biex jibnu djalogu sinċier, u hekk  iħallu l-verità toħroġ; persuni attirati minn dak li hu tajjeb u li jħossuhom responsabbli tal-mod kif jitkellmu.”

    Il-Papa Franġisku jħeġġeġ ukoll lil kull min xogħlu hu li jipprovdi l-informazzjoni, b’mod speċjali l-ġurnalisti li huma “l-protetturi tal-aħbarijiet”, biex dejjem ikunu ta’ servizz għall-oħrajn, l-aktar għal dawk bla vuċi li huma l-maġġoranza f’din id-dinja.

    Kliem il-Papa lill-ġurnalisti biex jippromwovu ġurnaliżmu ta’ paċi jgħodd ukoll għal kull wieħed u waħda minna. Dan billi niftakru li meta nikkomunikaw ma’ xulxin, inkluż onlajn, aħna msejħa nwasslu l-verità mingħajr tgħawwiġ tal-fatti u ma nibżgħux inxandru l-Kelma tal-Verità, il-Kelma tal-Mulej.