Imħabba kbira lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija - Il-Vigarju Ġenerali

Il-Vigarju Ġenerali jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-31 anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi

  • F'għeluq il-31 anniversarju mill-mewt ta' Mons. Mikiel Azzopardi, fil-kappella tad-Dar tal-Providenza saret Quddiesa mmexxija mill-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi, u li għaliha attendew ukoll ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar.  Flimkien ma’ Mons. Galea Curmi, ikkonċelebraw Dun Rueben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK u Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

    Dun Mikiel Azzopardi twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Huwa kien ukoll l-Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, id-Direttur tad-Dar, Dun Martin Micallef, irringrazzja lill-Azzjoni Kattolika Maltija għall-appoġġ sħiħ li dejjem tat u għadha tagħti lid-Dar tal-Providenza. Is-Sur Josef Deguara, President tal-AKM għamel referenza għall-omelija ta’ Mons. Vigarju u tenna li l-ħajja umana irridu ngħożżuha. Dawk preżenti nġabru flimkien għal mument ta’ skiet u talbu madwar il-qabar ta’ Mons. Azzopardi.


  • Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Kappella tad-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi
    12 ta' Mejju 2018

    “Il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” Din l-aħħar sentenza tas-silta mill-Evanġelju tal-lum minn San Mark, li tispjega fi ftit kliem il-ħajja u l-missjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù wara li hu tela’ s-sema, tfakkarni ħafna f’Mons. Mikiel Azzopardi li llum qegħdin infakkru l-31 anniversarju mill-mewt tiegħu.

    Il-Mulej ħadem permezz ta’ Dun Mikiel fil-kelma li hu xandar għal snin b’ħeġġa u b’determinazzjoni, u l-Mulej wettaq din il-kelma b’dan il-miraklu kbir ta’ mħabba, id-Dar tal-Providenza, li dis-sena ċċelebrajna l-50 sena minn meta nfetħet l-ewwel dar tagħha. Għalhekk illum aħna nfakkru b’għożża lil dan il-qaddej tal-Mulej u nirringrazzjaw lil Alla għal dak li għamel permezz tiegħu għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

    Dun Mikiel għaraf ukoll li l-viżjoni tas-sema mhijiex aljenazzjoni

    Dun Mikiel emmen bis-sħiħ li s-sema hu pajjiżna – dak li turina l-festa tal-Mulej tiela’ s-sema. Kien jemmen li dik hi d-destinazzjoni tagħna, lil hemm mexjin, biex ’il quddiem naslu fejn wasal qabilna Ġesù fil-glorja tiegħu. Din il-fidi soda fi Kristu ħaj kienet dejjem f’qalb u f’fomm Dun Mikiel, u din il-fidi mexxietu tul ħajtu kollha.

    Imma fl-istess waqt, Dun Mikiel għaraf ukoll li l-viżjoni tas-sema mhijiex aljenazzjoni – ma tħalliniex inħarsu ċċassati lejn is-sema b’idejna marbuta u nieqfu hemm – imma, il-kontra, hi xprun biex hawn, fuq din l-art naħdmu b’entużjażmu u kuljum biex ngħixu l-Kelma ta’ Alla u nwasslu l-imħabba tiegħu. Għaraf li l-missjoni tagħna hi hawn, f’din id-dinja. Hawn imsejħin biex nimpenjaw ruħna f’azzjoni Kattolika. Hawn imsejħin biex naħdmu għall-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem u nibdlu s-soċjetà għall-aħjar.

    Kien dan l-impenn sħiħ ta’ Dun Mikiel li wera ruħu fl-imħabba tiegħu lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u għalhekk minsija minn ħafna nies. Hu għaraf li iktar ma bniedem hu dgħajjef, iktar jeħtieġ appoġġ u għajnuna. Ried li s-soċjetà Maltija tagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem, u għalhekk tal-persuni b’diżabilità wkoll. Dan kien il-mod sabiħ li bih għex din il-mixja lejn is-sema pajjiżna.

    Dun Mikiel ifakkarna li l-ħajja umana rridu ngħożżuha ... minna titlob rispett sħiħ.

    Dan hu messaġġ importanti li Mons. Azzopardi jagħti lilna lkoll miġbura hawn. Ifakkarna li aħna maħluqin biex fl-aħħar tal-mixja tagħna f’din id-dinja ningħaqdu għal dejjem ma’ Alla li hu mħabba. Ifakkarna wkoll li din il-viżjoni lilna timliena b’enerġija biex hawn, f’din il-ħajja, kull wieħed u waħda skont is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, nagħtu kontribut siewi lis-soċjetà.

    Il-messaġġ ta’ Dun Mikiel hu tassew attwali meta jfakkarna li l-ħajja umana rridu ngħożżuha. Quddiem il-ħajja umana, ma noqogħdux ngħoddu ċ-ċelloli biex naraw jistħoqqilhiex dinjità jew le, ma noqogħdux niddiskriminaw bejn min jistħoqqlu jgħix u min nistgħu nħalluh għal riħu. Il-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u t-tul kollu tagħha. Minna titlob rispett sħiħ.

    Meta ngħixu b’dan l-ispirtu, ġa nkunu qegħdin minn issa ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Inkunu qed niltaqgħu ma’ Kristu hawn, hu li qal “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Inkunu qegħdin inħallu lil Kristu bl-ispirtu tiegħu jgħallimna l-valuri veri tal-ħajja li smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin: l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar, l-imħabba, is-sliem.

    Grazzi, Mulej, ta’ Mons. Mikiel Azzopardi. Ħa jkun għalina dejjem ispirazzjoni kif għandna ngħixu bil-viżjoni tas-sema u b’impenn sħiħ fis-soċjetà llum.


    Mons. Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali, Arċidjoċesi ta' Malta