Int imsejjaħ biex tqanqal is-sejħa ta’ Ġesù fiż-żgħażagħ ta’ Ħad-Dingli - L-Arċisqof lil Dun Mark Mallia Pawley

Quddiesa tal-pussess ta' Dun Mark Mallia Pawley bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa ta' Ħad-Dingli

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Ħad-Dingli
    1 ta’ Mejju 2018

    Li qrajna llum fit-Tieni Qari hija l-eżortazzjoni tal-Appostli Missierna San Pawl: Kulma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b'wirt għalikom il-Mulej. Aqdu lil Kristu Sidna ” (Kol 3, 23-24).

    Għażiż Arċipriet, jiena nixtieq nafdalek din il-kelma tal-Appostlu Missierna bħala kelma li għandha d-dawl li tmexxik fil-ministeru l-ġdid tiegħek. Inti u taqdi lil dan il-poplu għażiż, ftakar dejjem li qiegħed taqdi lil Ġesù. Is-sejħa tiegħek hija li tara lilu f’kull wiċċ ta’ kull membru ta’ din il-parroċċa arċipretali. Tara lil Ġesù f’ħutek is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, inkluż l-aħwa wlied Dun Bosco. Inti msejjaħ biex tilmaħ lil Ġesù f’kull min qiegħed ibati, tifraħ ma’ min jifraħ u tibki ma’ min jibki. Int imsejjaħ biex tqanqal is-sejħa ta’ Ġesù fiż-żgħażagħ ta’ dan ir-raħal għażiż.

    L-eżortazzjoni ta’ Pawlu hija profonda: “U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:14). Tistedinna biex il-kliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubna, dak is-sliem li għalih konna msejħa biex insiru ġisem wieħed. U ta’ dan jgħidilna: “U ta' dan roddu ħajr lil Alla” (Kol 3:15). Inti u tilbes l-imħabba ftakar li l-Mulej uriena eżempju qaddis ta’ x’jiġifieri din l-imħabba meta neħħa l-mantar minn fuqu u libes il-fardal (ara Ġw 13:4). Dan huwa l-qofol tal-perfezzjoni tas-sejħa tiegħek: l-ispiritwalità tal-ħasil tar-riġlejn li inti se tippresiedi kull Ħamis ix-Xirka bħala ragħaj ta’ din il-parroċċa antika u għażiża.

    Inti qiegħed tibda uffiċjalment għax in-nies ta’ Ħad-Dingli drawk, jafuk u japprezzawk. Kellek ukoll l-opportunità li tkun fl-iskola meritevoli tal-arċipriet ta’ qablek li bgħattu kappillan fil-Parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi u jiena nixtieq nirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel f’din il-parroċċa u ta’ kemm ħabb lin-nies għeżiez ta’ Ħad-Dingli. Grazzi Dun Karist.  

    Jiena qed nafdalek din il-komunità sabiħa imma jiena naf li l-Mulej għażlek u dak li għażilna mhux għall-merti tagħna imma għall-ħniena tiegħu. Taf ukoll li hekk għedtlek bis-sinjal tal-ubbidjenza, se jagħtik dak kollu li għandek bżonn biex tkun ragħaj fidil tal-poplu ta’ Alla.   

    Inti qed tibda l-missjoni uffiċjali tiegħek fil-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Nafek bħala bniedem ta’ ftit kliem imma bniedem bieżel, għaqli, ta’ qalb kbira u ta’ qalb missjunarja. Ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jiltaqgħu ma’ Ġesù, aqdi lil Ġesù fihom.    

    L-aħħar saċerdot djoċesan li ħareġ minn hawn, ġie ordnat saċerdot 48 sena ilu. Jiena nixtieq insellem u nirringrazzja lil Mons. Louis Camilleri tax-xogħol kollu li għamel fostna. Ix-xewqa tiegħi hija li min din il-parroċċa għażiża jkollna l-vokazzjonjiet. Ħadt pjaċir nara grupp sabiħ ta’ abbatini. Jiena nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tagħhom talli jieħdu ħsiebhom u jħeġġuhom biex jipparteċipaw fil-liturġija u jafdawhom lis-saċerdoti u lil min qiegħed jgħinhom. Nixtieq ukoll nirringrazzja lil ulied Dun Bosco tax-xogħol kollu li jagħmlu, tal-preżenza sabiħa tagħkom. Mhux se nirringrazzjakom individwalment imma nixtieq nirringrazzjakom bħala familja reliġjuża mimlija entużjażmu u ġenerożità. Ibqgħu hekk u grazzi ħafna.     

    “Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa?” (Mt 13:55). Il-fatt li Ġesù kien ħaddiem donnu fixkilhom lin-nies ta’ Nazaret, in-nies ta’ pajjiżu. Aħna lkoll ulied il-ħaddiema, aħna min aħna. M’għandniex għalfejn nitfixklu bl-umanità ta’ xulxin, imma fl-umanità ta’ xulxin, kultant imżejna bil-preġji u mżewqa wkoll bid-difetti, nilmħu l-misteru tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem.    

    Kemm inħobb infakkar f’xi ħaġa li jikteb San Irinew li fit-tieni seklu fil-Palestina fejn trabba Ġesù l-Insara kienu għadhom jgħożżu moħriet li għamel il-Mulej. Kien għamlu frott ix-xogħol tiegħu ta’ mastrudaxxa u dan il-moħriet kienu jgħożżuh bħala relikwa għażiża ta’ Ġesù, frott ix-xogħol ta’ jdejn l-Imgħallem. Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna napprezzaw il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna.

    Ix-xogħol tiegħek, għażiż Arċipriet, huwa li mhux biss tiltaqa’ mal-ħaddiema, imma wlied il-ħaddiema, mal-professjonisti, mal-familji kollha li jżejnu dan ir-raħal għażiż, imma li tidħol fi djalogu magħhom biex tqanqal fihom il-fidi f’Ġesù. Kun qaddej tal-fidi tagħhom, koperatur tal-ferħ tagħhom. Il-Mulej ibierek il-ħidma tiegħek u jagħmel li tagħmel ħafna frott. Tkun imbierek, ibni.


     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ġen 1: 26-2, 3
    Salm: 89, 2-4. 12. 1. 16
    Qari II: Kol 3, 14-15. 17. 23-24
    Evanġelju: Mt 13, 54-56