Seminar: Il-Problema tal-Faqar

Organizzat mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Dumnikana Maltija

  • Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Dumnikana Maltija, permezz tas-seminar Il-Problema tal-Faqar tixtieq tagħti l-kontribut tagħha biex  tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-problema kumplessa tal-faqar. Il-Papa Franġisku fl-aħħar Ezortazzjoni Appostolika, Gaudete et Exsultate, jinsisti li aħna l-Insara , “ma nistgħux nħaddnu ideal ta' qdusija li jinjora l-inġustizzja f'dinja fejn xi wħud jixxalaw, jonfqu bl-addoċċ u jiddedikaw ħajjithom biex jiksbu l-aħħar prodotti,  filwaqt li oħrajn iħarsu mill-bogħod, huma u jgħixu ħajja f’ħafna faqar.” (GE par.101)

    Hemm diversi fatturi li jwasslu biex xi wħud jgħixu fil-faqar u mhux sew li wieħed jiġġeneralizza. Il-faqar ma jiddipendix biss minn nuqqas ta’ għaqal u għażliet żbaljati ta’ min hu fqir. Lanqas ma jiddependi biss u sempliċement minn politika żbaljata ta’ xi gvernijiet matul is-snin. Inkunu wisq sempliċi jekk naħsbu hekk. Sfurtunatament, il-faqar huwa problema universali, speċjalment  f'soċjetajiet mibnija fuq il-kompetizzjoni fejn kulħadd irid itellaq biex jiġi l-ewwel. Bħal f’kull tellieqa, se jkun hemm min jiġri ħafna u se jiġi minn ta' quddiem, kif ukoll se jkun hemm min jibqa' lura ħafna u jiġi minn tal-aħħar. Ħafna drabi jiġri li tant jibqa' lura, li min hu fuq quddiem, mhux għax hu kattiv u egoist, ma jindunax li ħalla oħrajn daqshekk lura.

    Irridu nidentifikaw il-kawżi tal-faqar u naħdmu fuqhom bit-tama li noħolqu soċjetà u ekonomija human-friendly . Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Dumnikana Maltija temmen li l-għan ewlieni tal-politika m’għandux ikun it-tkabbir ekonomiku biss, akkost ta’ kollox, imma tkabbir ekonomiku għas-servizz tal-bniedem, speċjalment ta’ min hu dgħajjef. Temmen ukoll li l-għan ta’ kull attività ekonomika ma għandux ikun sempliċement l-ogħla qliegħ, bl-inqas spejjeż possibli. L-ekonomija trid tkun għas-servizz tal-ġid ta’ kulħadd u mhux sempliċement għal but ta’ xi wħud, fejn nispiċċaw min hu mejjet għall-qatra u min hu mejjet fis-sakra.

    Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Dumnikana Maltija tagħraf li mhux faċli li nilħqu dan il-għan għaliex kieku dawk li għandhom xi responsabilta’ għandhom aktar għal qalbhom l-ġid tal-bniedem, milli l-flus u l-qliegħ eżaġerat, xi passi ‘l quddiem jistgħu jsiru. Meta l-flus jsiru alla tagħna u nqisuhom aktar importanti mill-ħajja tal-bniedem, jinħolqu ħafna inġustizzji, għax għall-flus wieħed jasal li jagħmel kollox. Nispiċċaw ngħixu f’ġungla, fejn il-kbir jiekol liż-żgħir, fejn min hu b’saħtu jkompli jissaħħaħ huwa u jgħakkes li min hu dgħajjef u min hu sinjur ikompli jistgħana huwa u jfaqqar lill-oħrajn.

    Pajjiż juri kemm hu żviluppat u emanċipat, mhux mit-tkabbir ekonomiku biss, imma minn kemm għandu għal qalbu l-fqar, minn kemm qed jaħdem biex jagħti lill-fqar id-dinjita’ li tistħoqqilhom, biex ma jibqgħux dipendenti fuq il-karita’ u l-ħniena ta’ ħaddieħor. Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Dumnikana Maltija temmen li kulħadd jixtieq jara soċjetà aħjar. Għalhekk hi fiduċjuża li minkejja d-diffikultajiet li nistgħu nsibu ruħna fihom, ilkoll kemm aħna nixtiequ nagħmlu għażliet favur min qed ibati, biex jgħix ħajja aħjar u li tixraq lil kull bniedem.