L-omelija tal-Arċisqof lill-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa Marija Reġina, il-Marsa

Quddiesa tal-pussess ta' Patri Publius Mair OFM Cap. bħala l-Kappillan tal-Parroċċa Marija Reġina, il-Marsa

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali Marija Reġina, il-Marsa
    1 ta’ Mejju 2018

    “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk” (Mt 12:47). Nimmaġinaw il-preokupazzjoni tal-omm li tara ’l binha fiex jinsab, kien ilu ftit li telaq minn Nazaret u marret tiltaqa’ miegħu mal-qraba; l-Evanġelju jsejħilhom bl-użanza semitika ta’ dak iż-żmien, ‘ħutu’: “Ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”.

    Il-Mulej jieħu din l-okkażjoni tal-preokkupazzjoni ta’ ommu u tax-xhieda tal-imħabba profonda tagħha ta’ omm biex ifehmna maternità u fratellanza differenti: li aħna nkunu ommu u ħutu fl-ordni tal-grazzja, fl-ordni tad-dixxipulat. “Mbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: ‘Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi’” (Mt 12, 49-50). Mela, biex tkun omm Ġesù, biex tkun jew ħuh jew oħtu, il-Mulej jitlob li tkun dixxiplu tiegħu u jitlob ukoll li nagħmlu r-rieda ta’ Missieru li hu fis-smewwiet.   

    Aħna aħwa tiegħu fil-Misteru tal-Magħmudija. Meta aħna nitgħammdu, insiru wlied adottivi tal-Missier, aħwa ta’ Ġesù Kristu. Imma wkoll jagħtina l-qawwa li nwasslu u nwelldu l-preżenza tiegħu fid-dinja u jsejħilna ‘omm’. L-omm x’tagħmel? L-omm twelled; m’hemmx omm mingħajr tifel jew bint u kull iben u bint għandu l-omm tiegħu għaliex dawn il-kliem ifissru din ir-relazzjoni ta’ mħabba. Anke meta lill-Mulej insejħulu l-Iben, qed nifhmu li Alla huwa Missier. Jekk Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, mela Alla huwa Missier. U meta jsejħilna ‘omm’ ifisser li se nwelldu lilu u l-preżenza tiegħu kull fejn qegħdin.  

    Għażiż Kappillan, għażiż Patri Publius, fakkar lil din il-komunità għażiża, imbierka bl-isem ta’ Marija Reġina, din is-sejħa partikolari tad-dixxiplu: li jnissel il-preżenza ta’ Ġesù fid-dinja, bħal-lum, bħalissa, fil-kontest storiku tal-lum, la talbieraħ u lanqas ta’ għada. Illum il-Mulej qed isejħilna biex inkunu ommu u ħutu. Imma fakkar ukoll li waqt li nagħmlu dan, irridu nkunu wlied l-istess Missier. Għalhekk il-fatt li l-Mulej jinsisti li d-dixxiplu jrid jagħmel ir-rieda ta’ Missieru li hu fis-smewwiet, imma jekk isejħilna ħutu jifhem li jgħallimna li meta nkellmu lil Alla, ngħidulu bħalma għallimna: “Missierna, li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9). Jekk Alla huwa Missierna, aħna aħwa. Jekk Marija hija ommna, aħna aħwa. U jekk aħna msejħin biex bħalha nwelldu lil Ġesù fid-dinja, allura se nkunu wkoll kapaċi nwelldu komunitajiet tal-aħwa.  

    Għażiż Kappillan, ftakar fil-qari profetiku li nqara llum fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud: “Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f'kollox, biex ikun il-qassis il-kbir, ħanin u fidil f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla, u biex ipatti għal dnubiet il-poplu” (Lhud 2, 17-18). Din il-missjoni ta’ Ġesù hija afdata lilek ukoll bil-vokazzjoni li tkun ragħaj ta’ din il-komunità parrokkjali. Il-Mulej għaddiek mill-filter qawwi tal-ubbidjenza, tal-voti reliġjużi, u “għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib” (Lhud 2:18).

    Il-Mulej żejnek b’ħafna snin ta’ ħajja reliġjuża u żejnek ukoll b’diversi esperjenzi. Ftit ilu kont ukoll diġà kappillan ta’ hawnhekk (tal-Parroċċa Marija Reġina, il-Marsa) u l-komunità terġa’ tilqgħek bħala r-ragħaj tagħha. Inti mġarrab bl-esperjenza tal-ħajja u l-esperjenza tal-ħajja meta tkun vera, tgħaddina wkoll minn mument ta’ tbatija għax kif is-sena fiha hemm l-istaġuni, hekk ukoll il-ħajja tgħaddi minn diversi staġuni. Imma dan kollu l-Mulej jippermettih biex inti tkun tista’ —b’qalb ġeneruża u umli— tgħin lil dawk li  huma mġarrbin. 

    Nafdak f’idejn l-interċessjoni qawwija tal-Madonna, ta’ San Franġisk, ta’ San Ġużepp, u nfakkrek għażiż ħija, bħalma nfakkar lili nnifsi u lil sħabi —li aħna nkunu qassisin ħanina u fidili f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla u li bil-ħajja tagħna nwasslu d-don prezzjuż tal-maħfra lill-poplu ta’ Alla— biex inkunu strument, għodda ta’ rikonċiljazzjoni, fil-vertità u fl-imħabba. Il-Mulej jgħinek u l-Madonna tħarsek.


     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Is 19, 9: 1-3; 5-6
    Salm: 112: 1-8
    Qari II: Lhud 2, 14-18
    Evanġelju: Mt 12, 46-50