"Tkun ħaġa sabiħa li lkoll kemm aħna naħdmu biex l-edukazzjoni f’pajjiżna tagħti dejjem l-aqwa frott" - L-Arċisqof lill-Għaqda Eks Studenti Liċeo

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal-membri tal-A.L.P.S. (Association of Lyceum Past Students)

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kappella ta’ Sant’Anna, il-Pwales, San Pawl il-Baħar
    12 ta’ Mejju 2018

    Nibda billi nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u b’mod speċjali nsellem anke lill-persuni li jgħixu f’dan l-ambjent. Nixtieq ukoll nirringrazzjakom tal-appoġġ u tal-preżenza tagħkom. Huwa ta’ ferħ kbir għalija wkoll li niltaqa’ magħkom personalment bħalma għalija hu wkoll unur li niltaqa’ mal-membri tal-A.L.P.S. (Association of Lyceum Past Students).

    Il-Lyceum għandu storja ta’ glorja kbira u bħal kull realtà tal-ħajja, għandu diversi staġuni fl-istorja tiegħu. Intom frott ta’ sajf li ta frott bnin. Ma nafx niddeskrivi l-istaġun li qegħdin fih, forsi m’hemmx għalfejn niddeskrivih lanqas. Tkun ħaġa sabiħa li lkoll kemm aħna naħdmu biex l-edukazzjoni f’pajjiżna tagħti dejjem l-aqwa frott, li nkunu ċittadini responsabbli u maturi u kkwalifikati f’dawk l-iskills neċessarji biex ikollna moħħ kritiku. Meta nara ħafna mill-uċuħ tagħkom, nifhem li l-Lyceum takom kapaċità kritika u fetħilkom il-bibien għal diversi professjonijiet u lkoll kemm intom tajtu u tagħtu kontribut siewi lis-soċjetà Maltija, li huwa wkoll frott ta’ dak il-pedament li ngħatalkom.      

    Il-Mulej ma telaqniex.

    L-ewwel mument f’din il-laqgħa tagħna jrid ikun mument ta’ gratitudni lejn dawk is-snin u lejn l-għalliema. Min jaf x’nostalġija tiġikom meta taħsbu fuqhom u fil-memorja tagħkom kull għalliem għandu l-isem partikolari tiegħu għaliex kull wieħed jikkorrispondi għal esperjenza partikolari, mhux biss fl-imħabba tas-suġġett imma bil-mod partikolari kif dak li jaf jagħtih. Għall-grazzja ta’ Alla f’Malta dejjem konna mberkin bl-esperjenza ta’ għalliema li jagħtuk bil-qalb dak kollu li għandhom. Din hija barka li jiena nixtieq li tibqa’ fuq il-gżejjer tagħna.   

    Illum qegħdin nifirħu fis-solennità tat-tlugħ fis-sema tal-Mulej. Dan it-tlugħ għandu sinifikat speċjali. Mhuwiex it-tluq tal-Mulej imma huwa t-tlugħ tal-Mulej. Mela importanti ħafna li niddistingwu bejn il-‘q’ finali u l-‘għ’ finali. Huwa t-tlugħ tiegħu imma mhuwiex it-tluq tiegħu. Il-Mulej ma telaqniex. Fit-tlugħ tiegħu fis-sema dħalna aħna wkoll għaliex it-tlugħ fis-sema hija wkoll id-daħla fis-sema tal-Mulej li huwa ‘r-ras’ tagħna. Aħna l-ġisem tiegħu għax aħna ħaġa waħda (ara 1Kor 12:27). La daħal hu, la tela’ qabilna hu, id-destin tagħna huwa mmarkat, aħna għandna post ibbukjat il-ġenna.        

    Issa aħna nistgħu ngħidu:‘Jien ma rridx niġi’. Imma dak jiddependi minna għax hu stess qal: “Fid-dar ta' Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu … nerġa' niġi biex neħodkom miegħi” (Ġw 14, 2:3). M’ilux, waqt l-omelija tal-konsagrazzjoni tal-Bażilika tal-Karmnu fil-Belt Valletta, użajt il-kelma ‘għamara’: ‘Jien l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin’ (Apk 21:3). L-‘għamara’ tfisser li Alla jgħammar fostna imma tfisser ukoll li fis-sema. U allura li l-Mulej daħal qabilna, it-tlugħ tiegħu huwa l-fatt li hu li huwa r-Ras il-Kbir fost ħafna wlied, qiegħed fil-glorja ta’ Missieru, aħna għandna dan id-destin sabiħ.      

    Infatti l-Papa Benedittu jisħaq ħafna li din il-festa hija l-festa tal-preżenza ta’ Ġesù. Huwa minnu li fl-ikonografija u anke fid-deskrizzjoni li hemm fl-Atti tal-Appostli naraw lil Ġesù jittieħed mill-viżjoni tad-dixxipli u huma ma baqgħux jarawh, imma ma jfissirx li telaq. Hu ma baqax jidher lill-għajnejn tal-ġisem (ara Atti 1:10). Imma l-preżenza tiegħu tibqa’ magħna. Tant hu hekk li meta fit-triq ta’ Damasku jidher lill-Appostlu Missierna San Pawl, ma jgħidlux: ‘Sawlu, Sawlu, għaliex qiegħed tippersegwita lil dawn l-imsejknin  li ħallejt hawn?’ Imma jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Għaliex dak li kien qed jagħmel Sawlu lid-dixxipli l-Mulej ħassu u ammetta li kien qed isir miegħu nnifsu. U din mhux biss fi żmien Sawlu, imma anke fiż-żmien tal-lum għax dak li tagħmel lid-dixxipli u lill-Knisja tiegħu, il-Mulej iħossu magħmul lilu. U għalhekk ta’ min nitolbuh ħafna ħniena u ħafna barka. 

    Hemm bżonn li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jiddjalogaw iżjed mal-ġenerazzjonijiet tan-nanniet, tal-bużnanniet.

    Imma jien nixtieq ukoll napprezza l-preżenza ta’ din il-knisja ddedikata lin-nanniet ta’ Ġesù: lil Sant’Anna u lil San Ġwakkin, għaliex din hija wkoll fiha sinjal tal-għamara ta’ Alla fostna. Bħal tant kappelli oħra fil-Gżejjer Maltin, għal sekli sħaħ din il-knisja sempliċi u rżina kienet sinjal li Alla qiegħed preżenti anke hawnhekk, fost ir-raba’ qaddis u għażiż tal-Pwales, fost il-bdiewa li hawnhekk jegħrqu l-għaraq ta’ ġbinhom biex ikollhom biex jgħajxu lilhom infushom, lil uliedhom u lill-familji tagħhom. U f’dan il-pajsaġġ sabiħ —jalla jibqa’ hekk— aħna nifhmu li rċevejna ħafna u la rċevejna ħafna, għandna ħafna responsabbiltà. Fosthom hija li aħna nibqgħu ngħożżu l-preżenza ta’ Alla fostna. Dun Karm Psaila kellu raġun meta jfakkar lill-Maltin li l-isem ta’ Omm Ġesù, bint San Ġwakkin u Sant’Anna, huwa minqux fil-blat u f’kull rokna tal-Gżejjer tagħna (Innu tal-Kungress – Ismagħha l-Għanja). Dawn il-knejjes ifakkruna f’din il-ħaġa.       

    Jiena u nammira l-istatwa ħelwa tan-nanniet ta’ Ġesù, b’ommu tfajla ċkejkna u rżina, nifhem ukoll li hawn messaġġ importanti x’ngħaddu lis-soċjetà tagħna, xi ħaġa li jħobb jirrepetiha ħafna l-Papa Franġisku: hemm bżonn li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jiddjalogaw iżjed mal-ġenerazzjonijiet tan-nanniet, tal-bużnanniet, ta’ dawk li Malta jiftakruha mod ieħor u li għandhom valuri li għandhom għeruq profondi. Mingħajr dan id-djalogu, aħna ninqatgħu mill-għeruq tagħna u għalhekk il-Papa jinsisti maż-żgħażagħ: ‘Tkellmu man-nanniet tagħkom, mhux biss tmorru żżuruhom, imma staqsuhom jirrepetu l-esperjenzi tagħhom’. Ħafna drabi l-anzjani tagħna ma jiddejqux jirrepetu għax ikollhom biss erba’ memorji u dejjem dawk. Xi drabi tinsa x’kilt ilbieraħ jew siegħa ilu, imma xi praspura tal-Lyceum ma tinsieha qatt u tirrepetiha, anzi tkun iżjed vivaċi.     

    In-natura stess qed tgħidilna li dak kollu li għaddejtu minnu li huwa prezzjuż ... u tinsewx tgħadduh lill-oħrajn.

    U b’xi mod dawn l-iskerzi li jagħmel il-moħħ fl-istess ħin huma għas-servizz ta’ din il-memorja. Ejjew naraw il-pożittiv f’din l-ħaġa għax ma’ kull min ltqajt li jkun għadda minn ħafna esperjenzi, jgħidulek l-istess: ‘Niftakar tal-antik imma tgħidlhix x’kilt ilbieraħ!’ U ngħid, imma għaliex? Hija wkoll servizz għall-ġenerazjonijiet l-ġodda li l-memorja tal-antik tkun tista’ tgħaddi, u tgħaddi bl-iżjed mod vivaċi, bl-iżjed mod iddettaljat. Din hi l-kapaċità li l-moħħ uman żviluppa: li l-memorja passata ma tinteshiex, anzi meta huwa l-mument li s-siġra tagħti l-aqwa frott tagħha, dik il-memorja tkun iżjed ħajja, iżjed attwali, iżjed ċara. U din hija responsabbiltà. In-natura stess qed tgħidilna li dak kollu li għaddejtu minnu li huwa prezzjuż, inkluż l-istejjer straordinarji tagħkom, u tinsewx tgħadduh lill-oħrajn. Napprezza ħafna meta ħafna mis-seniors tagħna jieħdu x-xogħol jiktbu l-memorja tagħhom. Dan huwa patrimonju straordinarju li jarrikixxi l-istorja ta’ pajjiżna. Għax l-istorja ta’ pajjiżna, bħal kull mużajk, m’għandhiex perspettiva waħda, m’għandhiex mod wieħed biss kif taqraha, imma kull wieħed u waħda minna għexha b’mod differenti u allura għandna d-dover u d-dritt nirrakkontawha kif għexnieha. U hekk il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu japprezzaw dak kollu li aħna għexna u per eżempju l-patrimonju marbut mal-kelma ‘Lyceum’.  

    Illum meta nisma’ li fil-Lyceum hemm problemi ta’ dixxiplina, ngħid: ‘Mur ġibhom 50 sena ilu jgħidulhom hekk jew inkella mur ġibhom fi żmien San Ġorġ Preca bl-eżamijiet li kienu jagħmlu’. Interessanti li fi żmienu kien hemm Ġorġ Preca ieħor, l-artist, u allura meta ġejna biex nagħmlu r-riċerki fuq Giorgio Preca ridna noqgħodu ħafna attenti li ma nħarbtux ir-riżultati ta’ Giorgio Preca l-artist ma’ Giorgio Preca s-saċerdot. Dan huwa past pupil li meta kienu jilgħabu l-futbol l-Lyceum kienu jħalluh l-aħħar, jirrakonta hu stess, imma mexa fit-triq li riedu l-Mulej, bħal kull wieħed u waħda minna. M’aħniex imsejħin inkunu fotokopja ta’ San Ġorġ Preca imma l-qdusija hi li fil-ħajja konkreta tagħna nagħmlu dak li jrid il-Mulej.  

    Dan il-post huwa post għażiż u nirringrazzjakom ukoll ta’ kemm tieħdu ħsiebu, li mhuwiex abbandunat anke frott l-interess tagħkom, frott il-ġenerożità tagħkom. U jiena nixtieq nerġa’ nsellem lin-nies tal-inħawi talli għadhom jgħożżu d-devozzjoni lejn Sant’Anna, u li lil uliedhom jafdawhom ukoll fl-interċessjoni tan-nanniet ta’ Ġesù. Il-Mulej tant ried ikun wieħed minna li daħal f’familja umana ta’ vera għax veru huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imma mwieled minn mara li kellha missier u omm u dawn kellhom il-ġenituri tagħhom, ir-razza u r-radika tagħhom. Ovvjament x’aktarx mhux kulħadd kanonizzabbli imma dik hija s-siġra tal-umanità.   

    Allura hu ried jagħtina ukoll sinjal li ismu ‘Għimmanu-El’ huwa xi ħaġa li aħna niċċelebaw u nifirħu biha, mhuwiex biss salvatur imma huwa Alla Magħna. Illum nifirħu li fit-tlugħ u fid-dħul tiegħu fil-glorja tal-Missier, huwa jibqa’ Għimmanu-El, jibqa’ Alla Magħna. Qed jibagħtna nxandru dan il-messaġġ qawwi li hu magħa dejjem sal-aħħar taż-żmien u li jixtieqna nagħmlu dixxipli għaliex ix-xewqa tiegħu hija li jagħtina l-ferħ u l-paċi tiegħu. Ġesù Irxoxt x’qalilhom? “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). It-tislima tiegħu x’kienet? “Is-sliem għalikom” (Ġw 20:19) u l-paċi ma tkunx bħalma tagħtihielna d-dinja, li tgħaddi f’erba’ sekondi, imma kif jagħtihielna hu.

    Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna ngħumu fil-ferħ u fil-paċi tiegħu u flimkien ma’ San Ġorġ Preca ngħidulu biex jieħu ħsiebna u jibqa’ magħna għax tassew għandna bżonnu. ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.


     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta


     
  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 1, 1-11
    Salm: 46 (47), 2-3.6-7.8-9
    Qari II: Efes 4, 1-13
    Evanġelju: Mk 16, 15-20
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja - Ian Noel Pace