• San Mark 12: 1-12 

    F’dak iż-żmien, Ġesù beda jkellem lill-qassisin, lill-kittieba u lix-xjuħ tal-poplu bil-parabboli: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott tal-għalqa. Iżda huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh lura idu f’idu.

    Raġa’ bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom.

    Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. “Minn ibni jistħu!” qal. Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa’ fuqna”. Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa. X’jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka; bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan; ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna”?”

    Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.