• Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù – Solennità

    San Ġwann 19:31-37 

    Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

    Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma qasmulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.