Stqarrija mill-Isqfijiet Maltin dwar il-każ tal-vapur Aquarius

12 ta' Ġunju 2018

  • Ilna snin nisimgħu dwar il-fenomenu tal-immigrazzjoni li qed jisvolġi fil-Baħar Mediterran. Dan il-fenomenu jixhed is-sitwazzjoni ddisprata ta’ min iħossu mġiegħel iħalli pajjiżu biex jaħrab il-gwerer jew il-ġuħ; minn naħa l-oħra l-istess fenomenu juri wkoll it-tbatija, it-tħassib u s-sagrifiċċji tal-popli tal-pajjiżi li qegħdin jilqgħuhom.

    Anke f’dawn il-ġranet il-ġrajja tal-vapur Aquarius uriet il-kumplessità u d-delikatezza kemm tal-problema kif ukoll tas-soluzzjonijiet għaliha.

    Għalhekk, inħeġġu lill-awtoritajiet politiċi fl-Ewropa biex ikomplu jfittxu soluzzjonijiet umanitarji għal dawn il-persuni, mingħajr ma jinsew ir-realtajiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi li jilqgħuhom. Fl-imgħoddi l-Ewropa kellha sfidi oħra serji bħal din, imma qatt ma qatgħet qalbha li ssib rimedji fid-dawl tal-prinċipji tal-ġustizzja, tal-legalità u tas-solidarjetà.

    Filwaqt li napprezzaw il-fatt li l-Gvern Malti offra l-għajnuna materjali u medika lill-immigranti fuq dan il-vapur, nitolbu lil Alla jieqaf mal-politiċi tagħna biex fil-kunsiderazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, ikkunsidrati l-possibilitajiet limitati tagħna, dejjem juru dik l-umanità straordinarja karatteristika ta’ ġensna li jsemmu l-Atti tal-Appostli.


    ✠ Charles J. Scicluna                                                       ✠ Mario Grech
         Arċisqof ta’ Malta                                                             Isqof ta’ Għawdex