L-omelija tal-Arċisqof fil-festa tal-Qalb ta' Ġesù

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     
  • Knisja Parrokkjali, Ħal Lija
    10 ta' Ġunju 2018

    Fl-Iskrittura l-qalb hija ċ-ċentru tal-personalità. F’lingwi oħrajn din il-ħaġa ma tantx tista’ tirreppetieha bħalma tista’ tirrepetieha fil-Malti, li hu simili ħafna għall-Aramajk li kien jitkellem Ġesù s-Salvatur.

    Illum il-Knisja — u nkomplu l-Ħadd li ġej—tistedinna biex fil-parroċċa tagħna nieqfu biex nimmeditaw u naduraw il-Qalb ta’ Ġesù Salvatur, li hija qalb mimlija mħabba għalina. It-talba tal-Knisja tgħid ‘mimlija b’kull virtù’ u peress li  hija qalb ta’ bniedem hija ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin. Aħna ħafna drabi, meta jkun hemm xi ħadd li narawh b’qalbu naqra iebsa jġegħelna, biex ngħidu hekk, ikollna qalbna sewda għax naraw lil xi ħadd għandu qalbu iebsa għall-proxxmu. Imma meta nħarsu lejn il-Qalb ta’ Ġesù nifirħu li din il-qalb ta’ Alla magħmul bniedem hija mimlija b’kull virtù u fuq kollox hija qalb mimlija bl-imħabba. Hija l-għajn tad-doni tas-sema li timliena b’kull grazzja. U għalhekk aħna u nimmeditaw fuq il-qalb imqaddsa ta’ Ġesù, inżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina, kemm ħabbna Ġesù u kemm l-imħabba tiegħu kemm għamlitilna ġid.

    Jiena nixtieq li nitolbu ħafna għat-tfal li din is-sena għamlu l-Ewwel Tqarbina fil-parroċċa tagħna u fil-parroċċi kollha ta’ Malta, ta’ Għawdex u tad-dinja biex bl-għożża tagħna l-kbar, it-tfal għeżież tagħna jikbru biex jgħarfu iżjed l-imħabba ta’ Ġesù għalina.


     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta