• Direttur:           Bill Holderman

    Atturi:              Diane Keaton, Jane Fonda, Candice Bergen, Mary Steenburgen, Craig T. Nelson, Andy Garcia u Don Johnson

    Ħin tal-Film:    103 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Erbgħa nisa, dawn l-aħħar tletin sena, kienu jattendu kull xahar, Klabb għal Qari. Barra li saru ħbieb kbar kienu jiftehmu liema ktieb għandu jinqara matul ix-xahar li jmiss. Vivian, proprjetarja u tmexxi lukanda, erbgħin sena ilu kienet iltaqgħet ma’ Arthur iżda rrifjutat li tiżżewwġu għalkemm kienu bdew relazzjoni fis-sod. Hi ma kinitx tħobb l-irbit ma’ ħadd. Diane, minnaħa tagħha, tilfet lir-raġel reċentement. Uliedha bniet, Jill u Adrianne xtaqu li ma tibqgħax tgħix waħedha u ħajjruha li tmur tgħix qribhom ġewwa Arizona. Sharon, ħabiba oħra, kienet imħallef federali u baqgħet tgħix waħedha wara li kienet iddivorzjat tmintax-il sena ilu. Kellha tifel, illum-il ġurnata kiber u jinsab jgħix għar-rasu. Carol, kienet l-unika waħda li għadha tgħix fi żwieġ ma’ Bruce li dan l-aħħar kien irtira mix-xogħol.

    Jum wieħed, ġie f’idejhom il-ktieb Fifty Shades of Grey. Il-kontenut tal-ktieb kellu effett fuq l-erbgħa li huma u bdew iħarsu lejn il-ħajja b’lenti differenti u għarfu li kien wasal iż-żmien li jibdew jiġru wara attivitajiet pjaċevoli f‘ħajjithom li għal dawn l-aħħar snin kienu abbandunaw. Waqt li Diane kienet fuq mawra ġewwa Arizona żżur lill-uliedha, tiltaqa’ ma’ Mitchell. F’qasir żmien jibdew relazzjoni għalkemm Diane kienet iżżomm lura għax wara kollox ir-raġel ma kienx ilu li miet. Vivian tibda tkun iktar ma’ Arthur iżda kienet tibża’ tidħol iktar ‘l ġewwa u timpenja ruħha f’din ir-relazzjoni. Carol, min-naħa tagħha, kienet iffrustrata. Żewġha kien qiegħed jirrifjuta li jkollu x’jaqsam magħha u l-fatt li kienet qrat il-ktieb bdiet tintebaħ x’kienet qegħda titlef! Sharon, għalkemm kienet għada ma aċċettatx id-divorzju minn Tom wara tant żmien, bdiet tfittex online biex forsi taqbad ma’ xi ħadd . Fil-fatt taqbad ma’ George li jsir ħabib intimu tagħha. Sadanittant l-erbgħa nisa baqgħu fil-Klabb tal-Qari,  jaqraw iż-żewġ kotba l-oħra: Fifty Shades Darker u Fifty Shades Freed, waqt li jaraw kif jistgħu ssolvu l-problemi tagħhom. Tgħid jirnexxielhom jsibu xi soluzzjoni jew l-problemi jkomplu jitħawwdu aktar?

    Film Amerikan, kummiedja romantika, taħt id-direzzjoni ta’ Bill Holderman u kitba tiegħu stess flimkien ma’ Erin Simms. Minħabba l-istorja tal-film li tħares lejn is-sess uman b’mod żbaljat, ċajt sesswali frekwenti, koabitazzjoni, kif ukoll kliem profann u baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.