• Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Ir-residenza tal-Arċisqof, l-Imdina
    23 ta’ Ġunju 2018

    Eċċ. Mons. Nunzju Appostoliku, nixtieqek twassal il-gratitudni tal-Knisja f’Malta u tiegħi personali lill-Papa Franġisku, għal din in-nomina li timla l-qalb tagħna bil-ferħ.

    Jiena persważ li l-Eċċellenza Tiegħu, Mons. Joseph Galea-Curmi, l-Isqof Awżiljarju l-ġdid, ikompli jkun ta’ għajnuna—mhux jibda imma jkompli jkun ta’ għajnuna—fil-ħidma pastorali tad-djoċesi. Flimkien mal-mibki Mons. Ġużeppi Mercieca, kif nafu ilkoll kemm aħna, Fr Joseph, l-Isqof Awżiljarji l-ġdid, ħadem fuq is-Sinodu tad-djoċesi li jibqa’ kelma profetika dejjem attwali.

    U l-fatt li llum bin-nomina tal-Papa Franġisku, Mons. Joseph Galea-Curmi qiegħed jiġi msejjaħ biex ikun suċċessur tal-appostli, jagħti spinta ġdida lil dan is-servizz. Jiena nixtieq ukoll infakkar il-ħidma ta’ Mons. Joseph meta kien ta’ għajnuna kbira lil Mons. Pawlu Cremona, l-Arċisqof Emeritu, u nirringrazzjah tal-eżempju sabiħ ta’ fedeltà li jagħti. Jiena nifraħ ukoll lill-familja ta’ Mons. Galea-Curmi, waqt li niftakar b’mod kommoss fil-ġenituri tiegħu Paul u Josette.

    Nawgura li fl-4 ta’ Awwissu filgħaxija fil-Katidral tal-Imdina, meta niċċelebraw l-ordinazzjoni episkopali, aħna nagħtu xhieda sabiħa ta’ għaqda u tal-interċessjoni tal-qaddisin għalina, biex bħala djoċesi nimxu b’dak l-ispirtu li jippromwovi l-ħajja permezz tal-imħabba, permezz tal-karità.

    Għażiż Mons. Joseph Galea-Curmi, jiena nixtieq nippreżentalek l-ewwel kallotta u salib pettorali tad-djoċesi li nixtieqek iżżomm anke bħala sinjal tal-għożża tal-poplu ta’ Alla, int u tibda din il-ħidma ġdida tiegħek. Nawguralek mill-qalb, Fr Joseph.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace