• San Mattew 9:14-17 

    F’dak iż-żmien resqu lejn Ġesù d-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”. Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. 

    Ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber. Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f’damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn”.