• Il‑Kongregazzjoni għall‑Evanġelizzazzjoni tal‑Popli tas-Santa Sede ħatret lil Mons. Valentino Borg bħala direttur ġdid ta’ MISSIO Malta (l-Opri Missjunarji Pontifiċji) għall‑ħames snin li ġejjin (2018-2023).

      Il‑MISSIO għandu l‑għan li jgħin lill‑Papa fit‑tixrid tal‑ispirtu missjunarju fost il‑qassisin, reliġjużi, adulti u tfal u jinkoraġġixxi l‑għajnuna lill‑foqra permezz ta’ għajnuna finanzjarja għal proġetti f’pajjiżi tat‑Tielet Dinja. Il-MISSIO jieħu ħsieb ukoll ix‑xandir tal‑Kelma ta’ Alla f’dawk il‑pajjiżi li qatt ma ġew evanġelizzati.

      Mons. Valentino Borg twieled fid‑29 ta’ Diċembru 1954. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola ta’ Raħal Ġdid, l‑edukazzjoni sekondarja fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, u kompla l‑istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil‑Fakultà tat‑Teoloġija, fis‑Seminarju, Tal‑Virtù.

       

  • Dun Valentino ġie ordnat saċerdot fil‑11 ta’ Lulju 1981. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kappillan fil‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien (1981‑1995), bħala kappillan fil‑parroċċi ta’ Ħal Għargħur (1995‑1998), l‑Imġarr (1998‑2003), l‑Imsida (2003‑2006) u Ħal Kirkop (2015‑2017). 

    Dun Valentino ħadem ukoll bħala għalliem tar‑reliġjon fis‑Seminarju tal‑Arċisqof u bħala religious councellor f’diversi skejjel tal‑Istat. Serva bħala Delegat tal‑Arċisqof fis‑Segretarjat tal‑Liturġija, Ċerimonjier Djoċesan, Segretarju Amministrattiv fil‑Kurja tal‑Arċisqof, Direttur Nazzjonali tal‑Abbatini u Direttur tad‑Djar tal‑Anzjani.