• L‑Arċisqof Charles J. Scicluna llum ħalla Malta flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ għal pellegrinaġġ fl‑Art Imqaddsa. L‑Arċisqof huwa akkumpanjat minn 28 żagħżugħ u żagħżugħa bejn il‑15 u t‑30 sena, u minn żewġ saċerdoti. Matul il‑pellegrinaġġ ser iżuru l‑aktar postijiet sagri u importanti għall‑fidi Nisranija bħal Nazaret, Betlehem u Ġerusalemm, kif ukoll santwarji u knejjes fl‑Art Imqaddsa.

    Dan il‑pellegrinaġġ huwa organizzat mill-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa u l‑Malta Catholic Youth Network (MCYN), il‑kummissjoni tal‑Knisja għaż‑żgħażagħ, bħala parti mill‑esperjenzi li l‑Arċisqof qed jagħmel matul din is‑sena bi tħejjija għas‑Sinodu tal‑Isqfijiet dwar iż‑żgħażagħ f’Ottubru li ġej li sejjaħ il‑Papa Franġisku. Kienet ix‑xewqa ta’ Mons. Arċisqof li jżur l‑Art Imqaddsa maż‑żgħażagħ sabiex huma jaraw il‑post fejn għex Ġesù u jiċċelebraw il‑fidi waqt li jirriflettu fuq il‑Kelma ta’ Alla.

    L‑Arċisqof u l‑pellegrini żgħażagħ jaslu lura Malta nhar it‑Tlieta, 10 ta’ Lulju 2018.