Malta ser tospita l-laqgħa tal-uffiċjali tal-midja u l-kelliema tal-isqfijiet Ewropej

  • Fuq stedina tal‑Isqfijiet Maltin, il‑laqgħa annwali tal‑uffiċjali tal‑midja u l‑kelliema tal‑Konferenzi Episkopali Ewropej ser issir f’Malta f’Ġunju tas‑sena d‑dieħla. Dan tħabbar fi tmiem laqgħa li saret f’Ruma ftit tal‑jiem ilu fuq stedina tac‑CEI (il‑Konferenza Episkopali Taljana). Għal din il‑laqgħa Malta kienet irrappreżentata minn Kevin Papagiorcopulo, Delegat tal‑Arċisqof għall‑Midja, f’isem l‑Isqfijiet Maltin.  

    It‑tema prinċipali tal‑konferenza li saret f’Ruma kienet dwar kif il‑Knisja fl‑Ewropa għandha twassal l‑istedina ta’ Sidna Ġesù Kristu u l‑ferħ tal‑Evanġelju f’dinja diġitali, b’mod partikolari liż‑żgħażagħ fuq il‑midja soċjali. Din it‑tema ntagħżlet fid‑dawl tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet dwar iż‑żgħażagħ li sejjaħ il‑Papa Franġisku u li ser isir f’Ottubru li ġej fil‑Vatikan.

    Matul il‑konferenza, id‑delegati ltaqgħu mal‑Papa Franġisku fi tmiem l‑udjenza ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa, mad‑Direttur tas‑Sala Stampa tas‑Santa Sede Greg Burke, u mal‑membri tad‑Dekasteru l‑ġdid tas‑Santa Sede għall‑Komunikazzjoni. Il‑konferenza tmexxiet mill‑Kardinal Angelo Bagnasco, President tal‑Kunsill tal‑Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE).

    Fi tmiem il‑konferenza, Kevin Papagiorcopulo qal li huwa ta’ sodisfazzjon għall‑Isqfijiet Maltin li jilqgħu f’Malta għal din il‑konferenza lill‑uffiċjali tal‑midja u l‑kelliema tal‑isqfijiet mill‑pajjiżi Ewropej. Awgura li din tkun opportunità li matulha d‑delegati jiddiskutu wkoll il‑mod li bih il‑Knisja fl‑Ewropa għandha tikkomunika b’konvinzjoni u b’determinazzjoni, partikolarment fuq temi li jolqtu l‑ħarsien tal‑ħajja umana f’kull stadju u f’kull pajjiż, inkluż fil‑fruntieri tal‑Ewropa. Il‑konferenza f’Malta ser issir bejn is‑17 u d‑19 ta’ Ġunju 2019.