• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina
    11 ta’ Lulju 2018

    Illum qed niċċelebraw il-festa tal-patrun tal-Ewropa. San Benedittu u sħabu l-ewwel ġewwa Subiaco imbagħad Montecasino, bdew dak li nistgħu nsejħulu moviment ta’ tiġdid li fil-qalb tiegħu hemm l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

    Jekk l-imperu Ruman kien mibni fuq l-arroganza, fuq il-qawwa tal-poter, fuq l-iskjavitù ta’ nies li kienu oġġett tal-Istat, anzi proprjetà ta’ min jeħodhom u jixtrihom, din il-kultura ġdida li beda Benedittu permezz tal-monasteri tiegħu, kienet mibnija fuq id-dinjità ta’ wlied Alla, mhux biss il-monaċi li kienu l-familja tal-monasteru, imma anke villaġġi u bliet sħaħ li kibru madwaru.

    L-Ewropa, meta tara l-mappa tagħha, għandha ismijiet li jixhdu din iċ-ċiviltà monastika li saret parti mill-kultura Ewropea. Münster, belt kbira fil-Ġermanja—li tfisser monasteru— waqt li Westminster, li tinsab fil-qalba ta’ Londra, huma ftit eżempji ta’ kif Benedittu u sħabu u anke fundazzjonijiet oħra ta’ warajhom, taw sinsla Nisranija lill-kontinent tagħna.

    Ir-Regola li Benedittu ta lil sħabu saret eżempju konkret ta’ kif tgħix l-Evanġelju fil-komunità, b’mod speċjali fil-komunità monastika ta’ nies li jħallu kollox bħalma qrajna fl-Evanġelju tal-lum għas-saltna ta’ Alla. U bl-għaqda ta’ bejniethom u bl-umiltà li tirrikjedi l-għaqda ta’ bejniethom, u s-sottomissjoni lejn l-abbati jew il-badessa, huma jikbru fil-virtù.

    Fost l-affarijiet li introduċa Benedittu, u li huma parti mill-glorja tal-patrimonju Ewropew, hemm il-kultura tal-ospitalità. Aspett ta’ kull monasteru kienet l-akkoljenza ta’ min qed jivvjaġġa u jħabbat fuq il-bieb tal-monasteru. Tant hu hekk li l-monasteru kellu l-foresterija tiegħu. Il-kelma ‘foresterija’ ġejja minn kenn fuq forestier, bniedem li huwa barrani u li inti qed tħejji fejn tilqgħu għaliex dak huwa wkoll parti mill-ispirtu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.     

    Il-monaċi quddiem il-barranin li jżuruhom jew ibaxxu rashom inkella jinxteħtu minn tulhom fl-art u jaduraw fihom lil Kristu għaliex bihom ikunu qed jilqgħu lil Kristu’.

    Ħa naqralkom dak li kiteb San Benedittu fir-Regola tiegħu dwar il-mistednin fil-monasteri. “Dawk kollha, li anke bla mistenni, iħabbtu l-bieb tal-monasteru, jingħataw laqgħa bħal tal-ħbieb bħallikieku Kristu stess. Għaliex huwa qed jgħidilna: ‘Kont barrani u lqajtuni’ (Mt 25:35). Kulħadd jingħata stima xierqa speċjalment lill-aħwa fil-fidi u lill-pellegrini. Malli jasal, il-mistieden jingħata merħba mill-abbati jew mill-monaċi bl-akbar sens ta’ mħabba Nisranija. L-ewwel jagħmlu talba flimkien imbagħad jagħtu l-bewsa tal-paċi lil xulxin. Din iżda tingħata wara t-talba flimkien biex ixxejjen kull qerq tas-xitan”, għax San Benedittu kien bniedem prattiku ħafna. L-ewwel titlob imbagħad tbus.

    “Anke f’din it-tislima, il-monaċi għandhom juru umiltà kbira, kemm jekk il-mistednin ikunu għadhom kif waslu kif ukoll meta jkunu se jitilqu. Il-monaċi għandhom jew ibaxxu rashom inkella jinxteħtu minn tulhom fl-art u jaduraw fihom lil Kristu”. Ħa nerġa’ ngħidha din, ara x’jgħid: ‘Il-monaċi quddiem il-barranin li jżuruhom jew ibaxxu rashom inkella jinxteħtu minn tulhom fl-art u jaduraw fihom lil Kristu għaliex bihom ikunu qed jilqgħu lil Kristu’.

    “Il-mistednin jittieħdu fil-knisja u ħdejhom joqgħodu bilqiegħda l-abbati u l-monaku mqabbad minnu. Tinqara silta mill-Kotba Mqaddsa biex l-ispirtu tal-mistieden jintrefa ’l fuq, wara jħabirku u jġibu ruħhom miegħu mill-aħjar li jistgħu. B’rispett lejn il-mistieden, l-abbati jista’ jikser is-sawma sakemm ma jkunx jum partikolari li fih irid isum bilfors”, mhux lill-mistieden imma l-abbati. “Il-monaċi imma jsumu bħas-soltu”. Għax is-sinjur huwa l-mistieden, il-monaċi jekk jridu jsumu ħa jsumu imma l-misteden ma jsumx.

    Il-fqar u l-pellegrini għandhom jingħataw merħba b’ħeġġa u attenzjoni liema bħalha għaliex huwa fihom l-aktar li jidher Kristu

    “L-abbati jsawwab l-ilma biex il-mistieden jaħsel idejh iżda riġlejn il-mistednin jaħsluhom kemm l-abbati kif ukoll il-monaċi”. San Benedittu ried li jkunu l-abbati u l-monaċi li jaħslu saqajn il-pellegrini. Issa dawn kienu għaddejjin mit-triq u min jaf xi jkunu rifsu, imma xorta jaħslulhom saqajhom. “Wara l-ħasil tar-riġlejn, ilkoll flimkien jgħidu: ‘Naħsbu O Alla fit-tjieba tiegħek f’nofs it-tempju tiegħek’. Il-fqar u l-pellegrini għandhom jingħataw merħba b’ħeġġa u attenzjoni liema bħalha għaliex huwa fihom l-aktar li jidher Kristu, lill-għonja l-istess pożizzjoni tagħhom iġiegħlek iġġibilhom rispett”.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nifhmu l-ġid kbir li San Benedittu għamel mal-Ewropa, inkluż ma’ pajjiżna, b’din il-kariżma tal-ospitalità. Kemm timpressjonani l-motivazzjoni evanġelika ta’ din l-ospitalità u hemm affarijiet fir-Regola li huma ħafna konkreti, mhumiex biss kliem sabiħ. San Benedittu lill-abbati jgħidlu li quddiem il-mistieden, quddiem il-barrani li jiġi jħabbat fuq il-bieb ta’ darek, mhux tagħlaqlu l-bieb jew fil-każ tagħna l-portijiet, jew l-ajruport jew iż-żona tal-ajru, imma tgħid: ‘Qed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbi u fuq il-bieb tax-xtut tagħna, Ġesù Kristu’. Għax dak l-inkin profond, jgħid il-barrani li qed jitlob l-għajnuna, huwa inkin lil Ġesù Kristu. U jekk nagħlqulu l-bieb se nsibu lil xi ħadd li jgħidilna: “Kont barrani u ma lqajtnix” (Mt 25:43). U r-responsabbiltà tagħna se tkun kbira u ma nistgħux niskappaw minnha għax hemm ċerti sitwazzjonijiet li jgħajtu lil Alla, hemm inġustizzji li jekk aħna nsiru kompliċi tagħhom jgħajtu ġustizzja lil Alla. U San Benedittu jinterċedi għalina.

    San Benedittu lill-abbati jgħidlu li quddiem il-mistieden, quddiem il-barrani li jiġi jħabbat fuq il-bieb ta’ darek, mhux tagħlaqlu l-bieb jew fil-każ tagħna l-portijiet, jew l-ajruport jew iż-żona tal-ajru

    Jiena nitlob l-intereċesjoni ta’ San Benedittu, dan il-patrun tal-Ewropa—li ħoloq nisġa ta’ akkoljenza mal-Ewropa kollha— biex dan l-ispirtu ma jintilifx. U nitlob biex min għandu s-setgħa, inkluż f’pajjiżna, jifhem li meta tilqa’ lil min qiegħed fil-periklu tal-mewt— u mhux tikkundannah għall-mewt jew għall-iskajvitùinti jkollok il-barka għax Alla jieħu ħsieb lil qaddejja tiegħu. Imma jekk tagħlaq qalbek, jekk tagħlaq il-bieb ta’ darek għal min għandu bżonn, inti is-saħta ġġibha fuqek u b’idejk. U l-għażla f’idejk.  Aħna l-Maltin inħossuna ċkejknin, u hekk aħna. F’sitwazzjonijiet konkreti nirrealizaw li l-affarijiet ma nistgħux insolvuhom weħidna, imma għandna bżonn is-solidarjetà ta’ ħaddieħor, għandna bżonn is-solidarjetà tal-Ewropa kollha. Il-piż irid jinqasam bejn kulħadd imma għajb għalina jekk aħna nagħlqu l-bieb, jekk inwebbsu qalbna, jekk min ifakkarna x’jiġifieri verament tkun Nisrani, l-unika ħaġa li nagħmlulu huwa li nagħjruh, nikkritikawh u nikkundannawh.  

    F’sitwazzjonijiet konkreti nirrealizaw li l-affarijiet ma nistgħux insolvuhom weħidna, imma għandna bżonn is-solidarjetà ta’ ħaddieħor, għandna bżonn is-solidarjetà tal-Ewropa kollha.

    Nitolbuk, O San Benedittu, biex trattab il-qalb iebsa tagħna, biex teħlisna mill-biża’, għax jiena nifhem li meta tkun f’sitwazzjoni iebsa u jħabbat il-bieb tinħasad. L-ewwel reazzjoni tkun: ‘Min hu dan? Jien ma stedint lil ħadd. Mhux aħjar noqgħod kwiet u ngawdi l-flus li ġemmajt? U dad-dwejjaq xi rridu jien?’ It-taħbita fuq il-bieb, anke tal-monasteru, tista’ ssir anke fl-eqqel tal-lejl waqt maltempata. Mhux dak hu l-mument meta l-pellegrin għandu l-iżjed bżonn ta’ għajnuna, meta se jegħreq hu u wliedu?

    Aħna ma nistgħux ma ninsistux li s-solidarjetà li nuru ma’ ħutna tkun ukoll solidarjetà li juru magħna pajjiżi ħafna ikbar minna u li għandhom riżorsi ħafna iżjed minna. Imma nitolbu l-interċessjoni ta’ San Benedittu biex ma nkunux aħna eżempju ta’ bieb li jingħalaq, ta’ qalb li tibbies, ta’ min jagħlaq għajnejh biex ma jarax il-bżonn ta’ ħuh imneżża’ minn kull dinjità.

    San Benedittu, itlob għalina!

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

    Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Pr 2: 1-19
    Salm: 33
    Qari II: Mt 5:3
    Evanġelju: Mt 19:27-29