• ****

    Direttur:          Mandie Fletcher

    Atturi:              Beattie Edmondson, Emilia Jones, Ed Skrein, Jennifer Saunders, Gemma Jones, Cherie Lunghi,  Emily Atack, Adrian Scarborough u Milanka Brooks

    Ħin tal-Film:    94 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Sarah Francis, persuna eċċentrika, tgħix ħajja imħawda. F’relazzjoni ta’ mħabba ma tantx kellha suċċess u spiss kien ikollha diżappunti biex iżżomm relazzjoni ma’ xi ħadd għal xi żmien. Kienet tgħix fid-dell ta’ oħta, avukata u miżżewġa bit-tfal, b’ġenituri li spiss kienu jgħaddu kummenti ta’ tmaqdir. Ħajjitha tkompli titħawwad meta tired mingħand nannitha, kelb pug. Dan ġara ftit qabel ma Sarah kellha tibda tgħallem fi skola sekondarja fil-lokal. Dan il-kelb, bl-isem ta’ Patrick, kien ħelu kemm trid iżda kien imrobbi ħażin ħafna min-nanna li kienet tfisdu żżejjed, ma jonqsu xejn u jagħmel dak li jrid. Ma kienitx ħaġa faċli għal Sarah. Il-bidu kien diffiċli ħafna biex tikkontrollah u fl-istess waqt iżżommu moħbi minn sid il-kera tal-appartament fejn kienet toqghod f’Richmond ġewwa Londra.

    Patrick kien jiekol kollox barra l-ikel li Sarah kienet tipprepara għalih; il-papoċċ ta’ ġewwa  ġabu xejn ghaliex ħasbu qattus. Sarah ukoll kellha problema x’sejra tagħmel bih meta ħi kienet tkun l-iskola. Meta ppruvat titlob il-ġara tagħha Celia,  li wkoll kellha kelb, biex iżżomm lil Patrick, ir-riżultat kien diżastru kbir tant li s-sid tal-kera ntebaħ bil-klieb u kemm Sarah kif ukoll Celia sabu ruħhom imkeċċija mill-appartament. Fl-iskola wkoll Sarah kellha tiġi wiċċ imbwiċċ ma’ Mr. Peters, l-assistent surmast, li ma tantx ħa grazzja magħha. Ħa l-impressjoni li Sarah ma kellhiex l-abbiltà li żżomm id-dixxiplina fil-klassi.

    Għalkemm il-bidu kien tqil, Sarah malajr sabet soluzzjoni meta bil-moħbi ħadet lil Patrick l-iskola, bl-istudenti jadottawh barra wkoll li rnexxielha tirbaħ il-fiduċja  tagħhom. Ma jonqosx li permezz tal-kelb, meta kienet toħorġu dawra, tiltaqa’ ma’ Ben fil-park kif ukoll ma’ Oliver, il-veterinarju. Becky u Maureen, żewġ għalliema kienu ukoll ta’ għajnuna kbira. Becky tħajjar lil Sarah biex tieħu sehem f’maratona ta’ ħames mili għal karità. Sarah tagħmel minn kollox biex tħejji ruħha għal din il-ġirja. Iżda x’jġri meta Patrick jintilef? X’effett ikollha fuq Sarah din it-telfa?     

    Film Brittaniku taħt id-direzzjoni ta’ Mandie Fletcher u kitba ta’ tagħha stess flimkien ma’ Vanessa Davies. Film ħelu ħafna bi storja tajba u li għandu jogħġob lil dawk li jħobbu kummiedji fejn jinvolvu xi annimal. Ikun tajjeb li l-film jarah kulħadd iżda t-tfal żgħar, ikun aħjar li jkunu akkumpanjati minn xi adult.