• *****

    Direttur:          Brad Bird

    Ilħna:               Craig T. Nelson, Holly Hunter, Sarah Vowell, Huck Milner, Samuel L. Jackson, Bob Odenkirk u Catherine Keener

    Ħin tal-Film:    118 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Tliet xhur wara id-disfatta tas-Syndrome, il-familja Parr: Bob, Helen, Dash, Violet u Jack-Jack, ikomplu joperaw bħala s-supereroji, taħt l-identità tagħhom: The Incredibles. Fl-attentat biex iwaqqfu lil Underminer milli jisraq il-Bank Metroville, l-awtoritajiet tħasbu ħafna bil-ħsara li kienet saret waqt dan l-inċident. Rick Dicker, Direttur tad-Dipartiment: “Super Relocation” informa lil Familja Parr li l-programm kien sejjer jitwaqqaf u dan kien ifisser li s-supereroji madwar id-dinja kellhom itemmu l-attivitajiet tagħhom minħabba nuqqas ta’ fondi statali. Dicker offrielhom li jħallas għalihom, ġimgħatejn kera ġewwa Motel.

    Ftit jiem wara, Bob u Helen u ħabibhom Lucius Best, is-superhero tal-Frozone, jiġu kkuntattjati minn Winston Deavor, ammiratur tas-supereroji u negozjant kbir fit-telekomunikazzjoni li flimkien m’oħtu, Evelyn, waqqfu l-kumpanija teknoloġika: DEVTECH. Winston u Evelyn ipproponew li ssir promozzjoni ta’ pubbliċità biex is-supereroji jerġgħu jirbħu l-appoġġ u l-fiduċja tal-pubbliku. Helen tintgħażel biex tkun l-ewwel waħda biex tieħu sehem f’din l-promozzjoni billi bil-miftuħ tiġġieled il-kriminalità ġewwa New Urbem, bl-identità ta’ Elastigirl minħabba li l-inqas li setgħet tagħmel ħsara.

    Winston offra wkoll dar lussuża lill-familja waqt li Bob offra li jieħu ħsieb il-familja waqt li martu tkun fuq il-missjoni. Bob, ma jdumx ma jiskopri li Jack-Jack kellu l-potenżjal ta’ supereroj u sabha diffiċli li jikkontrolla din il-qawwa ġdida f’ibnu. Għalhekk ħa lil Jack-Jack għand Edna Mode, ħabib kbir tal-familja, id-disinjatur tal-ħwejjeġ tas-supereroji Parr. Sadanittant, Helen kienet daħlet sew fil-missjoni fdata f’idejha u kkonfrontat b’suċċess l-Iscreenslaver, li kien qiegħed jaħtaf permezz ta’ imaġini ipnotiċi fuq l-iskrins tat-televizzjoni u jikkondizzjona l-imħuħ. Wara li rnexxielha taqbad il-villan, li dan ma kellux idea ta’ dak li kien qiegħed jagħmel, Helen tiskopri li kien hemm xi ħadd wara l-iskrins ipnotiċi. Sfortunatament qabel ma ssib min kien wara dan kollu, Helen tingħeleb minn xi ħadd u ssib ruħha mlibbsa b’gogil tal-Iskreenslaver. X’jiġri minn hawn? Min kienet il-persuna wara dan il-pjan tal-Iskreenslavers u għaliex kienet determinata li ġġib fix-xejn il-missjoni ta’ Winston Deavor?

    Film Amerikan, animat komputerizzat, ħu taht id-direzzjoni u kitba ta’ Brad Bird. Il-film isegwi l-ewwel wieħed li ħareġ fl-2004 bl-isem ta’ The Incredibles.  Film interessanti u mimli azzjoni fuq il-familja Parr u l-avventuri li jgħaddu minnhom bħala supereroji. Minħabba xi azzjonjiet vjolenti kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li t-tfal żgħar, ikunu akkumpanjati minn xi adult.