• *****

    Direttur:          Rawson Marshall Thurber

    Atturi:              Dwayne Johnson, Neve Campbell, Chin Han, Roland Moller, Noah Taylor, Byron Mann, Pablo Schreiber, Hannah Quinlivan, Jason Day, Byron Lawson u Elfina Luk

    Ħin tal-Film:    102 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:            12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                 12

    Will Sawyer, eks-espert militari fis-sigurtà, għaxar snin ilu kien involut fi ġrajja ta’ ħatfa ta’ ostaġġi. Will safa’ mweġġa’ serjament tant li tilef riġel wieħed barra li ma rrnexxielux isalva l-ostaġġi u numru minn sħabu li kienu miegħu. Fl-isptar kif kien qiegħed jirkupra, jiltaqa’ ma’ Sarah, tabiba navali li salvatlu ħajtu. Will u Sarah jinġibdu lejn xulxin u ftit wara l-inċident jiżżewwġu. Illum il-ġurnata għandhom tewmin ta’ tmien snin, Georgia u Henry u jinsabu jgħixu temporanjament f’apartament lussuż, f’binja li mingħajr dubju kienet unika fid-dinja minħabba li Will kien ħa ħsieb is-sigurtà kollha ta’ din il-binja, b’mitejn u ħamsa u għoxrin sular.

    Dan l-iskyscraper  kien jiddomina d-distrett Kowloon ġewwa Hong Kong, sinjal ta’ prosperità u ta’ bravura teknoloġika. L-idea għal dan il-proġett skyscraper: The Pearl, kienet ta’ Zhao Long Ji, intraprenditur Ċiniż fis-software li ħaseb għal kollox. Il-parti residenzjali ta’ fuq kienet sejra tkun riservata għal ċittadini importanti. Iżda qabel ma jsir dan, Zhao kellu jagħmel ftehim biex  jassigura li l-binja jkollha l-aqwa polza ta’ assigurazzjoni. Dan kien jitlob li ssir stima ta’ riskju independenti.

    Will Sawyer, għalkemm kien għadu jiftakar f’dak li kien seħħ għaxar snin qabel, kien determinat li jibqa’ miexi ‘l quddiem. Will bl-esperjenza fuq sigurtà li kellu, sar il-kap tas-sigurtà  ta’ din il-binja. Kollox kien lest biex jiltaqa’ ma’ Zhao Long Ji u l-membri tal-kumpanija tal-assigurazzjoni biex jurihom li l-iskyscraper kien mgħammar għal dak kollu li seta’ jinqala’. Will, iżda ma kellux idea li kollox kien ippjanat biex jagħti bidu għal ġrajjiet drammatiċi li kien sejjer ikollhom riperkussjonijiet fuqu u familtu. Zhao kellu avversarji taħt it-tmexxija ta’ Lores Botha, gangster u li kien determinat li jeqred il-binja. Sarah u uliedha sabu ruħhom f’qagħda mwegħra ħafna hekk kif beda jseħħ il-pjan djaboliku meta l-parti ta’ fuq tkebbes nar li f’qasir żmien beda tiela ‘l fuq. X’sejjer jagħmel Will meta jirrealizza x’kien qiegħed jiġri u f’liema periklu kienu jinsabu martu u uliedu li kien tant iħobb?

    Film Amerikan, mimli azzjoni u tensjoni, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Rawson Marshall Thurber. Minħabba ġrajjiet ta’ tensjoni ħarxa u biża’ kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.