• *****

    Direttur:          Ol Parker

    Atturi:              Lily James, Amanda Seyfried, Meryl Streep, Dominic Cooper, Pierce Brosnan, Stellan Skarsgard, Christine Baranski, Colin Firth, Cher u Julie Walters

    Ħin tal-Film:    114 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Fl-1979, Donna Sheridan, żagħżugħa ferrieħa, mimlija kuraġġ u entużjażmu, flimkien ma’ ħbiebha Tanya u Rosie, magħrufa t-tlieta bħala “Donna and The Dynamos”, jiggradwaw mill-Università ta’ Oxford. Donna kienet deċiża li twettaq il-ħolma tagħha li tmur l-Ewropa biex b’hekk twettaq id-destin tagħha fil-gżira Griega ta’ Kalokairi.

    Fil-vjaġġ tiltaqa’ ma’ tliet żgħażagħ attraenti: Harry li kien jistudja ġewwa Pariġi, Bill li kien offrielha li jwassalha fuq il-gżira bid-dgħajsa tal-qlugħ meta hi tilfet il-lanċa li kellha teħodha fuq il-gżira u Sam li tiltaqa’ miegħu fuq il-gżira, żagħżugħ gustuż u kuraġġuż. Donna malajr  tibda relazzjoni miegħu. L-għan tagħha kien li tagħmel minn din il-gżira maġika, l-għamara tagħha. Hi ssib xogħol bħala kantanta ġewwa taverna lokali waqt li ssib kenn ġewwa razzett żgangat.

    Sfortunatament, Donna tintebaħ li Sam kien għarus ma’ tfajla oħra. Kien xokk kbir għaliha u għalkemm ħbiebha, Tanya u Rosie jiġu biex isabbruha, hi turihom li ma kienx hemm bżonn aktar l-għajnuna tagħhom għaliex saret taf li hija kienet qed tistenna tarbija u din imlietha b’ottimiżmu kbir għall-futur.

    Il-ġrajja ddur lejn żminijietna fejn fuq il-gzira Kalokairi, niltaqgħu ma’ bint  Donna, Sophie Sheridan, tfajla ta’ ħamsa u għoxrin sena li tilfet lill-ommha sena qabel. Bl-għajnuna ta’ Sam, it-tieni raġel t’ommha u possibilment wieħed minn tlieta li kien missierha bioloġikament, b’rieda qawwija, Sophie  xtaqet twettaq il-ħolma t’ommha dik li tittrasforma t-taverna fejn darba kienet taħdem ommha, f’lukanda sabiħa u ssemmieha Hotel Bella Donna f’ġieħha.

    Sophie meta tlesta x-xogħol riedet tagħmel inawgurazzjoni tal-lukanda billi tistieden lill-ħbiebha, Tanya u  Rosie u l-eks maħbubin t’ommha, Bill u Harry kif ukoll Sky, in-nammrat tagħha u xi ħbieb oħra għal ftuħ uffiċjali tal-lukanda. Kollox ikun lest iżda Senor Cienfuegos, il-manager ibassar maltempata kbira li kienet tfisser li kienet sejra tħassar iċ-ċelebrazzjonijiet kollha. Fil-fatt hekk jiġri. Għalkemm il-maltemp jgħaddi u l-ħsara li saret tiġi rranġata iżda jinqala ntopp ieħor. It-trasport lejn il-gżira kien wieqaf. X’sejjer jiġri issa? Tgħid isseħħ xi forma ta’ arranġament ieħor biex il-festa tkun tista’ issir?

    Film romantiku u mużikali taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Ol Parker. Il-film isegwi dak li ħareġ fl-2008: Mamma Mia. Film maħdum tajjeb ħafna, b’mużika tal-widna u bi storja tajba u li żgur għandu jgħoġob lil ħafna.