L-isqfijiet awżiljari ta' Malta fl-epoka kontemporanja (1800-2018)


  • Mons. Joseph Galea-Curmi, imwieled nhar l-1 ta' Jannar 1964, iben Paul Galea Curmi u Josette née Mifsud Bonnici, mgħammed nhar il-5 ta' Jannar fil-Parroċċa ta' Sant’Elena f’Birkirkara, u ordnat saċerdot minn Mons. Ġużeppi Mercieca nhar il-5 ta' Lulju 1991, huwa l-ħdax il-isqof awżiljaru tal-Arċidjoċesi ta' Malta fl-epoka kontemporanja, jiġifieri mill-bidu tal-ħakma Ingliża sallum.

    F'dan in-numru mhux qed ngħoddu isqfijiet koadjuturi, jekk qabel ma ġewx maħtura isqfijiet awżiljari. Id-differenza hi li filwaqt li awżiljarju jingħata bħala għajnuna lill-isqof djoċesan, il-koadjutur bi dritt għas-suċċessjoni jgawdi id-dritt għas-suċċessjoni tas-sede li għaliha jkun ġie maħtur. Kwalunkwe isqof fir-rit Latin irid ikun marbut ma’ sede partikulari, jiġifieri Knisja lokali. Fil-każ tal-isqfijiet mhux djoċesani dawn jingħataw it-titlu ta' sede storika li tkun ġiet soppressa u li tkun vakanti.

    Intant, l-ewwel fil-lista li qed nikkunsidraw, kien Annetto Casolani (1815-1866) mill-Belt Valletta, li wara li lesta l-istudji tiegħu fit-Teoloġija u l-lingwi orjentali fil-Kulleġġ Urban ġewwa Ruma, ta' tletin  sena nħatar bħala l-ewwel Vigarju Appostoliku tal-Afrika Ċentrali. Għalhekk nhar it-3 ta' April 1846, inħatar isqof bit-titlu ta' Mauricastro. Hu mexxa missjoni flimkien ma’ numru ta' Ġiżwiti, li mxew man-Nil u waslu s-Sudan. Fit-2 ta' Mejju 1847 irreżenja minn din il-kariga u milli jidher irritorna Malta, fejn serva bħala isqof awżiljarju tal-Isqof Publiju Maria Sant. Miet ta' 51 sena, bit-titlu ta' Vigarju Appostoliku Emeritu tal-Afrika Ċentrali.

    Warajh isegwi Mikiel Franġisku Buttigieg (1793-1866) minn Nadur, Għawdex, li nħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Gejtanu Pace-Forno, nhar is-16 ta' Marzu 1863, bit-titlu ta' Isqof ta' Lete. Ikkonsagrat isqof nhar it-3 ta' Mejju 1863, ġewwa Ruma, u serva biss f'Malta għal ftit aktar minn sena.  Nhar it-22 ta' Settembru 1864, il-Papa Piju IX waqqaf id-djoċesi ta' Għawdex u ħatar lill-Isqof Buttiġieġ bħala l-ewwel isqof tagħha. Serva f'dan l-uffiċċju sa mewtu, ftit anqas minn sentejn wara, nhar it-12 ta' Lulju 1866.

     
  • Warajh inħatar Salvatore Gaffiero (1828-1906), mill-Isla, li nħatar isqof awziljarju tal-Arċisqof Pietru Pace, nhar it-28 ta' Novembru 1898, bit-titlu tas-sede ta' Selimbrija, fit-Turkija. Ikkonsagrat isqof nhar il-15 ta' Jannar 1899, mill-Isqof Pietru Pace. Miet qabel l-Isqof Pace, nhar it-8 ta' Diċembru 1906.

     
  • Warajh inħatar Paolo Rosario Farrugia (1836-1907) mix-Xagħra, Għawdex. Inħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Pietru Pace, nhar it-3 ta' Ġunju 1907, bit-titlu tas-sede ta' Hamatha, fis-Sirja. Ġie kkonsagrat isqof nhar is-7 ta' Lulju 1907 mill-Kardinal Rafael Merry del Val y Zulueta. Miet qabel għeluq l-istess sena, nhar il-21 ta' Diċembru 1907.

     
  • Segwieh isqof minn qalb ir-reliġjużi, id-Dumnikan Angelo Portelli (1852-1927). Inħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof Pietru Pace, nhar it-31 ta' Marzu 1911, bit-titlu tas-sede ta' Selinus, fi Sqallija. Ikkonsagrat isqof nhar l-14 ta' Mejju 1911 mill-Isqof Pietru Pace. Serva wkoll bħala awżiljarju tal-Arċisqof Mauro Caruana u miet nhar it-19 ta' Ġunju 1927.

     
  • Għalkemm il-bżonn ta' awżiljarju għal Dun Mauro Caruana kien ilu jinħass, u l-Isqof Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof ta' Għawdex, kien effettivament jassistih ħafna, dan qatt ma nħatar awżiljarju tiegħu, imma nħatar biss koadjutur nhar l-14 ta' Ottubru 1943, jiġifieri xahrejn biss qabel il-mewt ta' Caruana li ġrat fis-17 ta' Diċembru 1943.

    Effettivament l-uniku awżiljarju ta' Caruana kien Emanuele Galea (1891-1974) mill-Isla, li inħatar isqof awżiljarju meta it-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha għaddejja, nhar it-9 ta' Ġunju 1942, bit-titlu tas-sede ta' Tralles, fl-Ażja. Ġie kkonsagrat isqof nhar il-5 ta' Lulju 1942, mill-Arċisqof Mauro Caruana, assistit mill-Isqof Mikiel Gonzi. Peress li l-gwerra mal-Italja kienet għadha għaddejja, ma nsatbx it-tielet isqof koonsagranti. Serva fit-tul lill-Arċisqof Gonzi u miet b'fama ta' qdusija, nhar it-21 ta' Awissu 1974.

     
  • Fiż-żminijiet imqallba fl-istorja ta' pajjiżna, b'mod partikulari fir-relazzjoni Stat-Knisja, inħatar isqof awżiljaru ta' Malta Emanuele Gerada (1920-2011). Dan qed jiġi inkluż għax l-ewwel inħatar awżiljarju tal-Arċisqof Mikiel Gonzi nhar it-15 ta' Frar 1967, bit-titlu tas-sede ta' Nomentum, fl-Italja, u kien biss wara, nhar is-6 ta' April 1968, li nħatar koadjutur. Ġie kkonsagrat isqof nhar il-18 ta' Ġunju 1967 mill-Isqof Mikiel Gonzi. Temm il-missjoni tiegħu f'Malta nhar it-8 ta' Novembru 1973, bil-ħatra tiegħu bħala Nunzju f'El Salvador.

     
  • L-Arċisqof Gonzi ngħata isqof awżiljarju ieħor fil-persuna ta' Ġużeppi Mercieca (1928-2016) mir-Rabat, Għawdex. Inħatar isqof awżiljarju nhar l-20 ta' Lulju 1974, bit-titlu tas-sede ta' Gemellae, fin-Numidia. Ikkonsagrat isqof nhar id-29 ta' Settembru 1974 mill-Isqof Mikiel Gonzi. Wara r-riżenja tal-Arċisqof Gonzi nhar id-29 ta' Novembru 1976, inħatar Arċisqof ta' Malta b' mod immedjat. Għalhekk huwa l-ewwel każ, fi żmien li qed nikkunsidraw, li fih awżiljarju segwa bħala arċisqof f'din is-sede.

     
  • L-Arċisqof Mercieca ngħata awżiljarju fil-persuna tal-vigarju ġenerali ta' din id-djoċesi, Annetto Depasquale (1938-2011) minn Ħal Qormi. Inħatar isqof awżiljarju nhar is-16 ta' Novembru 1998, bit-titlu tas-sede ta' Aradi, fl-Afrika ta’ Fuq. Kien ikkonsagrat isqof nhar it-2 ta' Jannar 1999 mill-Arċisqof Mercieca. Baqa’ jservi lill-Arċisqof Mercieca anke meta kien mgħobbi bil-mard sa nhar il-mewt tiegħu, id-29 ta' Novenbru 2011.

     
  • Mons. Pawlu Cremona, Dumnikan, Arċisqof ta' Malta bejn l-2006 u l-2014, ingħata awżiljarju fil-persuna ta' Charles Jude Scicluna (1959), imwieled Toronto, il-Kanada. Mons. Scicluna nħatar isqof awżiljarju nhar is-6 ta' Ottubru 2012, bit-titlu tas-sede ta' San Leone, l-Italja. Bir-riżenja tal-Arċisqof Cremona nhar it-18 ta' Ottubru 2014, is-sede ta' Malta sfat vakanti u Mons. Scicluna nħatar amministratur appostoliku tagħha. Inħatar Arċisqof ta' Malta nhar 27 ta' Frar 2015 u ħa il-pusses tad-djoċesi nhar il-21 ta' Marzu 2015.

     
  • Mons. Joseph Galea Curmi issa qed jingħata bħala awżiljarju tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, bin-nomina mħabbra nhar it-23 ta' Ġunju 2018.

     

  • Fir-ritratt:
    L-ewwel ringiela mix-xellug - Salvatore Gaffiero, Paolo Rosario Farrugia, Angelo Portelli
    It-tieni ringiela mix-xellug - Emanuele Galea, Emanuele Gerada, Ġużeppi Mercieca
    It-tielet ringiela mix-xellug - Annetto Depasquale, Charles J. Scicluna, Joseph Galea-Curmi

     

  • Artiklu miktub minn Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet, Arkivista Djoċesan

    Imejl: nicholas.doublet@maltadiocese.org