L-ewwel messaġġ tal-Isqof Awżilarju Joseph Galea-Curmi fi tmiem l-ordinazzjoni episkopali tiegħu


  • Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Il-Katidral ta' San Pawl, l-Imdina
    4 ta' Awwissu 2018


    F’din il‑Quddiesa għedna grazzi mill‑qalb lil Alla. Lilu tifħir u glorja.

    Nixtieq nirringrazzja wkoll lilek, għażiż Arċisqof ta’ Malta, ta’ din l‑Ordinazzjoni u tal‑ministeru tiegħek ta’ ragħaj b’tant għerf u qalb kbira. Jien awżiljarju tiegħek, nitlob li dejjem issib fija għajnuna kbira.

    Nirringrazzja lilkom, għeżież Arċisqof Emeritu Pawl Cremona O.P. u Isqof Mario Grech, l‑Isqfijiet koordinanti, u lill‑Isqof Pawlu Darmanin O.F.M. Cap., li fikom dejjem rajt xhieda sabiħa li għamlitli l‑ġid. Irrid insemmi wkoll lill‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca li għadda għall‑ħajja ta’ dejjem li lejh jien grat u niftakru b’tant għożża.

    Ringrazio lei, caro Arcivescovo Alessandro d’Errico, Nunzio Apostolico a Malta, per la Sua partecipazione oggi e per il suo ministero qui a Malta. Tramite Lei, un ringraziamento speciale a Papa Francesco, nostro amatissimo Santo Padre.

    Grazzi lill‑awtoritajiet ċivili, napprezza l‑preżenza tagħkom.

    Grazzi ħafna lill‑familja sabiħa tiegħi li tant hi għażiża għalija flimkien mal‑qraba kollha. Niftakar illum b’mod speċjali f’ommi u missieri li tawni tant għożża u mħabba, u nemmen li llum ukoll, li qegħdin fil‑ħajja ta’ dejjem, huma ta’ għajnuna kbira u ta’ sostenn għalija.

    Grazzi lis‑saċerdoti kollha li qegħdin hawn u oħrajn li ma setgħux jiġu. Irċevejt għajnuna kbira minn ħafna saċerdoti; xtaqt illum insemmi wieħed biss li ftit tal‑ġimgħat ilu l‑Mulej sejjaħlu għal għandu—Fr Arthur Vella SJ—li lejh jien tant grat għas-snin twal li għamel direttur spiritwali tiegħi.

    Grazzi lilkom ilkoll, ħbieb tiegħi, kull wieħed u waħda minnkom; ngħid grazzi speċjali lill‑komunitajiet parrokkjali ta’ Birkirkara (San Ġużepp Ħaddiem) u ta’ Ħal Balzan.

    Grazzi kbira lil dawk li ħadmu bis‑sħiħ għal din iċ‑ċelebrazzjoni. Napprezza ħafna l‑għajnuna tagħkom.

    Il‑messaġġ qasir ħafna hu miġbur fil‑motto li għażilt: Ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba. Il‑ħajja umana hi għażiża għax hija don ta’ Alla mogħtija lilna biex inħarsuha u nipproteġuha. Għalhekk ngħożżuha mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha meta hi diġà’ ħajja umana, sat‑tmiem naturali tagħha. Imma ngħożżuha wkoll f’kull waqt u ngħożżu l‑ħajja ta’ kulħadd, anke ta’ min qiegħed f’nofs ta’ baħar jissielet biex jista’ jgħix, u ta’ min qiegħed għaddej minn tbatija waħdu jew qata’ qalbu mill‑ħajja.

    U ngħożżu l‑ħajja billi nsostnuha bl‑imħabba fil‑ħajja ordinarja ta’ kuljum, fi kliemna, fl‑attenzjoni lejn xulxin, fil‑qadi tagħna kif uriena Kristu llum fl‑Evanġelju. Hi din il‑qalb miftuħa għal kulħadd u mimlija mħabba li tgħinna ngħidu kelma ta’ ġid u jkollna attitudni ta’ inkoraġġiment, ta’ kompassjoni, ta’ maħfra, u fl‑istess waqt naħdmu kontra dak kollu li joħloq il‑firda u jġib il‑mibegħda jew iweġġa’. Nixtieq li jkun dan l‑ispirtu ta’ mħabba li jmexxini dejjem fil‑missjoni tiegħi bħala isqof, u jgħini biex inkun qaddej b’ħafna ferħ u serenità sal‑aħħar.

    It‑talba tiegħi hi din: Mulej, agħmel li magħqud miegħek, kollox nagħmel għall‑glorja tiegħek, bl‑ispirtu tiegħek, u għall‑ġid tal‑oħrajn kif għallimtna int.

    U kif jgħid Papa Franġisku, tinsewx titolbu għalija.


    ✠ Joseph Galea‑Curmi

        Isqof Awżiljarju ta’ Malta