Direttur ġdid għal Caritas Malta

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lis‑Sur Anthony Gatt, psikologu, bħala direttur tal‑entità tal‑Knisja Caritas Malta. Anthony Gatt ser ikompli jaħdem biex il‑Knisja, permezz tal‑Caritas, issaħħaħ is‑servizzi li toffri bla ħlas b’mod partikolari fil‑qasam tar‑rijabilitazzjoni mid‑droga, il-ħidma b’risq il-fqar u l-familji li għaddejjin minn problemi soċjali, u l-ħidma favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-persuna.

    Anthony Gatt twieled fl‑1976, il‑Belt Valletta. Huwa psikologu li ilu jaħdem fil‑qasam tal‑għajnuna soċjali mill‑1999. Iggradwa mill‑Università ta’ Malta fil‑psikoloġija u l‑ewwel impjieg tiegħu kien ma’ Caritas Malta bħala kordinatur tal‑voluntiera. Għal għaxar snin għamel xogħol volontarju mal‑Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ.

    Kiseb Masters fil‑Counselling Psychology mill‑Università ta’ British Columbia f’Vancouver, il‑Kanada. Kompla l‑ħidma tiegħu bħala psikologu fil‑qasam tar‑rijabilitazzjoni mid‑droga mal‑Aġenzija Sedqa. Ħadem għal numru ta’ snin fil‑privat qabel ma’ reġa’ ngħaqad ma’ Caritas Malta f’dawn l‑aħħar tliet snin. Fil‑Caritas kellu r‑rwol ta’ kordinatur kliniku fejn ikkordina l‑firxa wiesgħa ta’ servizzi u programmi ta’ rijabilitazzjoni mid‑droga.

    Mill‑2004, huwa lettur mistieden fl‑Università ta’ Malta fejn jgħallem fil‑qasam tal‑counselling u l‑psikoterapija, il‑psikoloġija umanista u l‑psikoloġija tal‑organizzazjonijiet. Matul is‑snin serva fuq diversi bordijiet tal‑Knisja u tal‑Istat, fosthom il‑bord professjonali tal‑psikoloġi u l‑bord tal‑ħabs għar‑rijabilitazzjoni mid‑droga. Għal diversi snin serva wkoll fil‑kunsill tal‑Kamra Maltija tal‑Psikoloġi.

    Ispirat mit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja li “dak li tagħmlu mal‑iċken fost ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi,” u mill‑imħabba tal‑Papa Franġisku għall‑batut, Anthony isib fil‑Caritas dar naturali bil‑bibien dejjem miftuħa għal min hu waħdu, fqir u mtaqqal bid‑diffikultajiet tal‑ħajja. Fi kliem Anthony Gatt, “Caritas Malta hi dar li tagħti wens, serħan u dinjità, tama u fejqan. Dar fejn il‑bniedem jagħraf is‑sbuħija tiegħu f’komunjoni mal‑oħrajn”.

    Anthony Gatt huwa miżżewweġ lil Marisa u għandhom ħamest itfal ta’ bejn it‑tliet snin u l‑14‑il sena.