Wara kull ftehim kollettiv hemm id-dinjità u d-drittijiet tal-għalliema, li huma essenzjali għall-formazzjoni taċ-ċittadini - L-Arċisqof

Messaġġ waqt l-iffirmar tal-ftehim kollettiv bejn is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-MUT


  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana
    7 ta' Awwissu 2018


    Jiena nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lit-tim li nnegozja dan il-ftehim kollettiv u nixtieq nieħu l-opportunità biex nagħmel żewġ punti qosra imma li nħoss li huma importanti ħafna.

    L-ewwel nett l-apprezzament tiegħi u tal-Knisja f’Malta għax-xogħol li jagħmlu l-għalliema, kemm fl-iskejjel tal-Knisja kif ukoll fl-iskejjel kollha f’Malta indipendenti u statali. Inħoss li r-rwol tal-għalliema huwa rwol essenzjali għall-formazzjoni taċ-ċittadini. Huwa wkoll rwol li għandu bżonn jiġi rrispettat għaliex meta l-istudenti tagħna jitgħallmu jirrispettaw lill-għalliema tagħhom qed jitgħallmu lezzjoni importanti fil-proċess tas-soċjalizzazzjoni: qed jitgħallmu li s-soċjetà għandha bżonn gwida u li inti titgħallem tirrispettaha u qed titgħallem ukoll il-prinċipju importanti taċ-ċiviltà.

    Nixtieq ukoll insellem lill-għalliema bis-sagrifiċċji kollha li jagħmlu biex jippreparaw għall-ħidma tagħhom konkreta u b’mod speċjali bl-interess uman li jieħdu fl-istudenti tagħna. Jiena għandi esperjenza diretta u nisma’ wkoll esperjenzi pożittivi ħafna ta’ għalliema li, meta jiltaqgħu mal-istudenti, jirrifjutaw li jaraw fihom numru, imma jaraw fihom persuni li għandhom bżonn attenzjoni partikolari. U hawnhekk nixtieq insellem lill-professjoni tal-għalliema għal dan il-kontribut, għall-well-being, għall-ġid tal-istudenti tagħna.

    Nixtieq ukoll nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-MUT u nirringrazzja wkoll lis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija għax-xogħol kbir fin-negozjat ta’ dan il-ftehim kollettiv. Kif qal il-President tal-MUT, hemm bżonn li issa li wasalna għall-ftehim, wieħed iħaddmu b’sens ta’ rieda tajba. Inħoss li wara kull ftehim, l-ewwel nett hemm id-dinjità u d-drittijiet tal-għalliema li huma, wara kollox, imsejħin biex jieħdu ħsieb l-aħjar ġid tal-istudenti. Din il-motivazzjoni li semma kemm-il darba l-President mhux biss tolqotni imma nixtieq infaħħarha, infakkarha, u nippromovuha flimkien.

    L-aħħar punt li xtaqt nagħmel huwa li ħadt pjaċir ninnota—naf li n-negozjati qatt ma huma faċli u lanqas kienu faċli din id-darba—imma wasalna wkoll biex inkomplu nirrispettaw l-identità u l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja li huma fihom infushom huma mmexxija minn kariżmi differenti, minn kongregazzjonijiet reliġjużi li għandhom storja partikolari, għandhom spiritwalità partikolari, imma jieħdu minn nixxiegħa waħda: l-ethos Kattoliku li wara kollox iħares lejn l-istudent bħala persuna umana bid-dinjità tagħha u li jħares lejn l-edukazzjoni bħala edukazzjoni fl-imħabba u fil-libertà; edukazzjoni li se tkun kontribut kbir għad-demokrazija f’kull pajjiz għaliex id-demokrazija tinbena fuq id-dinjità tal-persuna, fuq il-libertà tal-għażliet, u fuq kollox fuq l-impenn għall-ġid komuni li fil-konkret huwa espressjoni sabiħa tal-imħabba.

    Nirringrazzjakom ilkoll.


     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta