Ftehim bejn il-Fondazzjoni Kana u l-Ministeru għall-Familja

  • Intlaħaq ftehim bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u l-Fondazzjoni Kana li se jiggarantixxi s-somma ta’ €30,000 fis-sena għat-tliet snin li ġejjin, jiġifieri sal-2020. Dan se jkompli jkun ta’ sostenn għal din il-fondazzjoni biex tkompli ttejjeb is-servizz u l-operat tagħha.

    Il-Fondazzjoni Kana hija fergħa tal-Moviment ta’ Kana, li dejjem kellu l-iskop li jġib ’il quddiem u jsaħħaħ il-familja. Għal diversi snin, il-Moviment ta’ Kana offra firxa wiesgħa ta’ servizzi edukattivi u terapewtiċi, fosthom servizzi ta’ counselling, family therapy, psikologi, psiko-terapisti, support groups, u ħafna servizzi oħra professjonali, dejjem ta’ appoġġ u għajnuna għall-koppji.

    Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon feraħ lill-fondazzjoni għax-xogħol utli li tant jagħmlu b’dedikazzjoni, l-amministrazzjoni, il-ħaddiema, u l-voluntiera li jagħmlu parti mill-Moviment ta’ Kana.