• Fil-ġimgħat li ġejjin, KRS Malta se jkunu qed iwasslu fiċ-ċinema lokali l-film: POPE FRANCIS: A MAN OF HIS WORD, film ta’ Wim Wenders li huwa t-tieni koproduzzjoni li l-Vatikan qed tagħmel ma’ filmmakers.

    Id-dokumentarju se jinħareġ fil-ħames anniversarju tal-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u se jagħti togħma perfetta ta’ dak kollu li ħadem għalih dan il-Papa. 

    KRS Malta xtaqu li l-Arċisqof Charles J. Scicluna jara b’mod privat dan il-film imma x-xewqa tal-Arċisqof Scicluna kienet li jarah mal-pubbliku f’serata speċjali li se ssir nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Awwissu 2018 fis-6:30pm, fit-Teatru tal-Embassy, il-Belt Valletta. Il-prezz ta’ dan l-ispecial screening hu ta’ €15 u d-dħul  se jmur kollub’risq Caritas Malta. 

    Il-moħħ wara dan il-film, Wim Wenders, jiddiskrivi l-inkontru tiegħu ma’ Jorge Mario Bergoglio, il-Ġiżwita mill-Arġentina, magħruf minn miljuni madwar id-dinja mill-2013 bħala Papa Franġisku. Wenders, flimkien mal-ekwipaġġ tiegħu, għal diversi snin intervistaw lill-Papa u wkoll kellhom aċċess għall-arkivji b’materjal viżiv li jinkludi lill-Qdusija tiegħu fi vjaġġi madwar id-dinja. F’dawn il-filmati l-Papa Franġisku jidher jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet dinjija imma l-iktar li jispikka hu l-kuntatt ma’ ċittadini ordinarji. F’dawn il-filmati kollha jagħti messaġġ qawwi ta’ kompassjoni, għaqda u umanità. Wenders ikompli jgħid li fid-dinja tal-lum hija ferm diffiċli, speċjalment għall-politiċi, li jipprattikaw dak li jippritkaw, imma għall-Papa Franġisku taħdem differenti; mhux biss huwa rappreżentant tal-Kristjani u l-Kattoliċi imma tal-umanità kollha inġenerali. Wenders itemm jgħid li l-Papa jgħix u jipprattika dak li jippritka u hu għandu l-ikbar stima lejn din l-attitudni tiegħu.

    Id-direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, irringrazzja lill-Arċisqof Scicluna li għażel lil Caritas Malta bħala l-entità tal-Knisja biex tibbenifika mid-dħul ta’ dan il-film f’din is-serata speċjali. Irringrazzja wkoll lill-KRS Malta, Universal Pictures u l-Embassy ta’ dan is-sapport.