• ***

    Direttur:          PeterRida Michail u Aaron Horvath

    Ilħna:               Greg Cipes, Scott Menville, Khary Payton, Tara Strong,  Hynden Walch, Will Arnett u Kristen Bell

    Ħin tal-Film:    88 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12A

    It-Teen Titans jaslu f’Jump City biex jeħduha kontra l-Balloon Man li ma għarafx min kienu. It-Teen Titans jintroduċu ruħhom billi jibdew ikantaw b’riżultat li jaljenaw lilhom infushom u jġegħlu  lil Justice League jindaħlu huma. Dawn jiċċensuraw lil Titans għall-imġieba xejn professjonali li ma ħadux l-affarijiet bis-serjetà. B’dan fil-fatt intebħu li ma kienx hemm film wieħed li kien juri li kien jixirqilhom ikunu stmati ta’ eroj.

    Waqt il-wiri tal-film: Batman Again, Robin jiġi umiljat u mgħoddi biż-żmien għall-imġieba tiegħu waqt il-film. Wara dak li seħħ, it-tim issuġġerixxa jagħmlu film u għalhekk kien ħemm bżonn li jkollhom arċ-nemesis. Sadanittant, fil-qrib, Slade jidħol fl-iStar Labs u jisraq kristall. It-Titans jaslu fil-ħin u iwaqqfuh iżda Slade jirbħilhom u anke jżeblaħhom. L-għada, Beast Bay, Starfire, Cyborg u Raven jaħdmu film biex itellgħu l-moral ta’  Robin iżda dan ma jaċċettahx u jistqarr il-bżonn li jmorru Hollywood biex jinħadem film fuqhom. Meta jaslu, jiltaqgħu mad-direttriċi, Jade Wilson, id-direttriċi prinċipali  tal-produzzjonjiet tal-films kollha li jsiru fuq is-supereroj. Jade tirrifjuta li taħdem film fuqhom għalkemm kienet lesta li taħdem film jekk huma jipprovawlha li huma kienu tassew supereroj.  It-Titans jieħdu bis-serjetà il-kliem ta’ Jade iżda meta pprovaw, fallew u wettqu żball akbar milli kienu għamlu qabel.

    Sadanittant, Slade jasal f’Wayne Tech biex idaħħal il-qawwa tal-kristall. It-Titans jaslu fil ħin biex iwaqqfuh milli jagħmel dan u jirnexxielhom ineħħu l-periklu. Slade jilħaq jaħrab u jieħu deċiżjoni li jagħmel minn kollox biex jaqta’ lil Robin minn ma’ sħabu. L-għada Jade tistieden lil Titans ġewwa Hollywood u tgħidilhom li kienet sejra taħdem film fuqhom wara dak li kienu wettqu fil-ġlieda kontra Slade. Waqt li Robin imur żjara madwar il-bini, Raven, Beast Boy, Spitfire u Cyborg jazzardaw joħorġu barra u jikkawżaw xi ħsara fuq Doomsday Machine li Jade kienet sejra tuża waqt film ġdid. Jade tiddeċiedi li taħdem il-film mingħajrhom u tuża biss is-servizzi ta’ Robin. It-tim Teen Titans jisfaxxa. X’jiġri minn hawn? Kif imur Robin fil-film li beda jaħdem?     

    Film Amerikan, animat u kummiedja u taħt id-direzzjoni ta’ Peter Rida Michail u Aaron Horvath. Minħabba ċajt goff, kliem skatoloġiku u anke mgieba mhux edifikanti, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.