Test sħiħ: L-Ittra tal-Papa Franġisku lill-Poplu ta' Alla


  • “Jekk membru jbati, ibatu wkoll (il-membri) l-oħra miegħu” (1 Kor, 12,26).  Dan il-kliem ta’ San Pawl jidwu bil-qawwa f’qalbi xħin għal darb’oħra nara t-tbatija li għexu bosta minuri minħabba l-abbużi sesswali, tal-poter u tal-kuxjenza mwettqin minn għadd imdaqqas ta’ kjeriċi u persuni konsagrati.  Krimini li jqanqlu ġrieħi fondi ta’ niket u impotenza, qabel xejn fost il-vittmi, iżda wkoll fost il-familjari tagħhom u fil-komunità kollha kemm hi, kemm jekk jemmnu wkoll jekk le.  Meta nħarsu lejn il-passat qatt mhu se jkun biżżejjed dak li nagħmlu biex nitolbu maħfra u nfittxu nsewwu l-ħsara li saret.  Meta nħarsu lejn il-futur, qatt mhu se jkun ftit dak kollu li nagħmlu biex nagħtu l-ħajja lill-kultura li jkollha ħila tevita li mhux biss sitwazzjonijiet bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom imma li ma jkunx hemm lok li jinsatru u jibqgħu jsiru xorta waħda.  It-tbatija tal-vittmi u tal-familjari tagħhom hi wkoll it-tbatija tagħna, għaldaqstant huwa urġenti li ntennu għal darb’oħra l-impenn tagħna biex niggarantixxu l-protezzjoni tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli.


    1.  Jekk membru jbati


    Dawn l-aħħar jiem ġie pubblikat rapport li fih hemm deskrizzjoni tal-esperjenza ta’ mill-anqas elf persuna li sfaw vittmi ta’ abbużi sesswali, tal-poter u tal-kuxjenza minn saċerdoti, fuq firxa ta’ madwar sittin sena.  Minkejja li nistgħu ngħidu li fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn huma każi li saru fil-passat, madankollu, mal-medda taż-żmien sirna konxji mit-tbatija ta’ bosta minn dawn il-vittmi u qed nindunaw sew li l-ġrieħi ma jgħibu qatt u jobbligawna nikkundannaw bil-qawwa kollha dawn l-atroċitajiet, kif ukoll li nikkonċentraw l-isforzi tagħna biex neqirdu minn għeruqha din il-kultura tal-mewt;  il-ġrieħi “qatt m’għandhom ikunu preskritti”.  In-niket ta’ dawn il-vittmi huwa karba li titla’ lejn is-sema, li tmiss l-ispirtu u li għal ħafna żmien sfat injorata, moħbija jew imsikkta.  Iżda l-għajta tagħha kienet aktar qawwija minn kull miżura li ttieħdet bl-għan li tissikket, jew inkella, bl-iskuża li (s-sitwazzjoni) tkun solvuta b’deċiżjonijiet li kabbru l-gravità għax saru kompliċi.  Għajta li l-Mulej semgħaha biex jurina, għal darb’oħra, fuq liema naħa jrid ikun.  Il-kantiku ta’ Marija ma jiżbaljax u, bħala sfond, għadu jirfed l-istorja għax il-Mulej jiftakar il-wegħda li għamel lill-missirijietna: “Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom; niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, għolla liċ-ċkejknin; mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħthom ‘il barra b’xejn” (Lq 1.51-53). u nħossu mistħija meta nindunaw li l-istil tal-ħajja tagħna giddeb u jgiddeb dak li ngħidu b’fommna.

    Bil-mistħija u s-sogħba, bħala komunità ekkleżjali, nammettu li ma għarafniex fejn kellna nkunu, li ma ħadniex azzjoni fil-ħin għax m’għarafniex id-daqs u l-gravità tal-ħsara li kienet qed issir lil tant ħajjiet.  Ittraskurajna u abbandunajna liż-żgħar.  Nagħmel tiegħi kliem il-Kardinal Ratzinger meta fil-Via Sagra li kiteb għall-Ġimgħa l-Kbira tal-2005, ingħaqad mal-karba tat-tbatija ta’ tant vittmi u bil-forza qal: “Kemm hemm ħmieġ fil-Knisja, u propju fost dawk li, fis-saċerdozju, għadnhom ikunu kollhom kemm huma tiegħU!  Kemm suppervja, kemm awtosuffiċjenza! (….) It-tradiment tad-dixxipli, it-tqarbin indenn b’Ġismu u b’Demmu huma żgur l-akbar niket għar-Redentur, dak li jinfidlu qalbu.  Ma jibqgħalna xejn aktar ħlief li mill-qiegħ ta’ qalbna nduru lejh bl-għajta: Kyrie eleison – Mulej eħlisna (cfr Mt 8,25)” (Id-disa’ stazzjon).


    2. ll-membri kollha jbatu flimkien


    Id-daqs u l-kobor tal-avvenimenti jesiġu li nitgħabbew b’dal-fatt b’mod globali u komunitarju.  Minkejja li huwa importanti u meħtieġ f’kull mixja ta’ konverżjoni, li wieħed isir konxju ta’ dak li ġara, dan waħdu mhux biżżejjed.  Illum, bħala Poplu t’Alla, għandna talba biex nieħdu fuq spallejna t-tbatija ta’ ħutna miġrugħin fil-ġisem u fl-ispirtu.  Jekk fil-passat in-negliġenza setgħet tkun xi għamla ta’ tweġiba, illum irridu li s-solidarjetà, mifhuma fit-tifsira l-aktar profonda u esiġenti tagħha, issir il-mod ta’ kif infasslu l-istorja preżenti u tal-futur, f’qafas fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u speċjalment il-vittmi ta’ kull għamla ta’ abbuż ikunu jistgħu jsibu id maħruġa li tipproteġihom u li tirahanhom mit-tbatija tagħhom (cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 228).  Din is-solidarjetà, min-naħa tagħha, titlob minna li niddenunzjaw dak li jista jqiegħed fil-periklu l-integrita ta’ kull persuna hi min hi.  Solidarjetà li tipprotesta bil-qawwa kontra kull għamla ta’ korruzzjoni, speċjalment dik spiritwali, “għax dik hi għama komdu u awtosuffiċjenti fejn fl-aħħar mill-aħħar kollox jidher leċitu: l-ingann, il-kalunja, l-egoiżmu u tant għamliet sottili ta’ awtoreferenzjalità, għax “Satana stess jinbidel f’anġlu tad-dawl” (2 Kor 11,14) (Eżort. App. Ifirħu u thennew, 165).  L-appell ta’ San Pawl li nsofru ma’ min isofri hu l-aħjar mediċina kontra l-inklinazzjoni li bejinietna nkomplu nkattru kliem Kajjin: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4,9).

    Jien naf u nagħraf l-isforz u l-ħidma li qed issir f’diversi nħawi tad-dinja biex ikunu garantiti u jsiru l-medjazzjonijiet meħtieġa, li jagħtu s-sigurtà u jħarsu l-integrità tat-tfal u tal-adulti vulnerabbli, kif ukoll it-tixrid tat-”tollernza zero” u tal-mod kif qed jingħata kont minn kull min iwettaq jew jgħatti dawn id-delitti.  Domna ma daħħalna fis-seħħ dawn l-azzjonijiet u s-sanzjonijiet tant meħtieġa, imma għandi fiduċja li dawn jgħinu biex tkun garantita kultura akbar ta’ protezzjoni fil-preżent u għall-futur.  Flimkien ma’ dawn l-isforzi, hu meħtieġ li kull imgħammed iħoss li hu parti minn dit-trasformazzjoni ekkleżjali u soċjali li lkoll tant għandna bżonnha.  Dit-trasformazzjoni tesiġi konverżjoni personali u komunitarja u twassalna biex inħarsu lejn l-istess direzzjoni li lejhajħares il-Mulej.  Hekk kien iħobb jgħid San Ġwanni Pawlu II: “Jekk inkunu bdejna tassew mill-ġdid mill-kontemplazzjoni ta’ Kristu, jeħtieġ narawh l-aktar fl-uċuh ta’ dawk li fihom ried jara lilu nnifsu (Ittra App. Novo millennio ineunte, 49).  Nitgħallmu nħarsu fejn iħares il-Mulej, noqgħodu fejn iridna l-Mulej, u nikkovertu qlubna fil-preżenza tiegħu.  Għal dan il-għan ikunu ta’ għajnuna t-talb u l-penitenza.  Nistieden lill-Poplu qaddis fidil lejn Alla biex iħaddem l-eżerċizzju tal-penitenza, tat-talb u tas-sawm skont l-amar tal-Mulej, (1) li jqajjem mill-ġdid il-kuxjenza tagħna, is-solidarjetà tagħna u l-impenn tagħna għall-kultura ta’ protezzjoni u ta’ “qatt aktar” għal kull tip u għamla ta’ abbuż.

    Impossibbli nimmaġinaw konverżjoni tal-imġieba ekkleżjali mingħajr il-parteċipazzjoni attiva ta’ kull min jifforma parti mill-Poplu t’Alla.  Aktar minn hekk: kull darba li ppruvajna ninkorporaw, insikktu, ninjoraw, nirriduċu l-Poplu t’Alla fi ċrieki żgħar ta’ élites, bnejna komunitajiet, programmi, għażliet teoloġiċi, spiritwalità u strutturi mingħajr għeruq, mingħajr memorja, mingħajr wiċċ, mingħajr ġisem, kollox ma’ kollox mingħajr ħajja (2).  Dan jidher ċar fil-mod anomalu  li bih qed ninterpretaw l-awtorità fil-Knisja – komuni ħafna  f’bosta komunitajiet li fihom seħħew imġibiet ta’ abbuż sesswali, tal-poter u tal-kuxjenza – bħalma hu l-klerikaliżmu, dak l-atteġġjament li “mhux biss jannulla l-personalità tal-insara, iżda għandu wkoll it-tendenza li jnaqqas u ma jagħtix il-valur sħiħ tagħha lill-grazzja tal-Magħmudija li l-Ispirtu s-Santu nissel fil-qlub ta’ niesna” (3).  Il-klerikaliżmu, kemm jekk approvat mis-saċerdoti nfushom jew mil-lajċi, jiġġenera qasma fil-ġisem ekkleżjali li taqla’ l-għawġ u tgħin biex ħafna mill-ħażen li qed nikkundannaw illum, jibqa’ jsir.  Li ngħidu le għall-abbuż ifisser li ngħidu le bil-forza għal kull għamla ta’ klerikaliżmu.

    Dejjem tajjeb niftakru li l-Mulej, “fl-istorja tas-salvazzjoni, feda poplu.  Ma teżistix identità sħiħa mingħajr appartenenza għal poplu.  Għalhekk, ħadd ma jsalva waħdu, bħala individwu iżolat, imma Alla jiġbidna lejh waqt li jżomm f’moħħu n-nisġa kumplessa ta’ relazzjonijiet inter-personali li jinħolqu fil-komunità tal-bnedmin: Alla ried jidħol f’dinamika popolari, fid-dinamika ta’ poplu” (Eżort. App. Ifirħu u Thennew, 6).  Għaldaqstant, l-uniku mod li bih nistgħu nwieġbu għal dal-ħażen li ħataf tant ħajjiet hu, li ngħejxuh bħala dmir li jorbotna u li jolqotna lkoll bħala Poplu t’Alla.  Dan hu l-għarfien li nħossuna parti minn poplu u minn storja komuni li se ttina l-opportunità li nagħrfu dnubietna u l-iżbalji tal-imgħoddi bi ftuħ penitenzjali bil-ħila li nħalluh iġeddidna minn ġewwa.  Dak kollu li jsir biex inqaċċtu minn għeruqha l-kultura tal-abbuż mill-komunitajiet tagħna nieqes mill-parteċipazzjoni attiva tal-membri kollha tal-Knisja ma jirnexxilux jiġġenera d-dinamiċi meħtieġa għat-trasformazzjoni sana u effettiva.  Id-dimensjoni penitenzjali tas-sawm u t-talb, bħala Poplu t’Alla, tgħinna biex noqgħodu quddiem il-Mulej u quddiem ħutna miġrugħin, bħala midinbin li nitolbu l-maħfra u l-grazzja tal-mistħija u tal-konverżjoni, biex b’hekk niżviluppaw azzjonijiet li jipproduċu dinamiżmi bi qbil mal-Evanġelju. Għax kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Evanġelju, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum (Eżort. App.  Il-ferħ tal-Vanġelu, 11).

    Huwa essenzjali li bħala Knisja għandna nagħrfu u nikkundannaw b’niket u mistħija l-atroċiatajiet imwettqin minn persuni konsagrati, kjeriċi u wkoll minn dawk kollha li kellhom il-missjoni li jgħassu u jħarsu lill-aktar vulnerabbli.  Nitolbu maħfra għad-dnubiet tagħna u tal-oħrajn.  Li nkunu konxji mid-dnub jgħinna nagħrfu l-iżbalji, id-delitti u l-feriti mwettqin fl-imgħoddi u jippermettielna ninfetħu u nimpenjaw ruħna aktar fil-mixja preżenti ta’ konverżjoni mġedda.

    Fl-istess waqt, il-penitenza u t-talb jgħinuna nissensibiliżżaw għajnejna u qalbna quddiem it-tbatijiet tal-oħrajn u ngħelbu l-kilba ta’ dominju u pussess li tant drabi jsiru l-għerq ta’ dan il-ħażen.  Jalla s-sawm u t-talb jiftħulna widnejna għall-uġiħ silenzjuż tat-tfal, taż-żgħażagħ u tad-diżabbli.  Sawm li jqabbdilna l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja u jimbuttana biex nimxu fil-verità billi nagħtu appoġġ lil kull medjazzjoni ġudizzjarja meħteġa.  Sawm li jċaqlaqna u jwassalna biex nimpenjaw ruħna fil-verità u fil-karità flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u flimkien mas-soċjetà ġenerali biex niġġieldu kull għamla ta’ abbuż sesswali, tal-poter u tal-kuxjenza.

    B’hekk inkunu nistgħu nberrħu l-vokazzjoni li konna msejħin għaliha li nkunu “sinjal u strument tar-rabta intima ma’ Alla u tal-għaqda bejn il-ġeneru uman kollu (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Lumen Ġentium, 1).

    “Jekk membru jbati, ibatu l-oħrajn flimkien miegħu”, kien qalilna San Pawl.  Permezz ta’ atteġġament ta’ talb u ta’ penitenza inkunu nistgħu nidħlu f’armonija personali u komunitarja ma’ din l-eżortazzjoni, sabiex fostna jitkattru d-doni tal-kumpassjoni, tal-ġustizzja, tal-prevenzjoni u tat-tiswija.  Marija għarfet tibqa’ f’riġlejn is-salib ta’ Binha.  M’għamlitx hekk kif ġie ġie, imma kienet hemm b’mod deċiż, bilwieqfa u hdejh.  B’dil-pożizzjoni tesprimi l-mod kif kienet tkun fil-ħajja.  Meta nħossu n-niket kbir li jqanqlu fina dawn il-pjagi ekkleżjali, jagħmlilna tajjeb li flimkien ma’ Marija “ninsistu aktar fit-talb” (cfr S. Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi Spiritwali, 319), u nagħmlu ħilitna biex nikbru fl-imħabba u fil-fedeltà lejn il-Knisja.  Hi, l-ewwel dixxiplu, tgħallem lilna lkoll dixxipli kif għandna nġibu ruħna quddiem is-soffernza tal-innoċenti, mingħajr ħarba u bla ma nkunu beżżiegħa.  Li nħarsu lejn Marija jfisser li nitgħallmu niskopru fejn għandu jkun u kif għandu jġib ruħu d-dixxiplu ta’ Kristu.

    Jalla l-Ispirtu s-Santu jtina l-grazzja tal-konverżjoni u d-dilka interjuri biex quddiem dawn il-krimini tal-abbuż, inkunu nistgħu nesprimu s-sogħba tagħna u r-rieda soda tagħna li nitqabdu bil-kuraġġ.

    FRANĠISKU

     

     

    Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber