•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Għargħur

    26 ta’ Awwissu 2018

    Il-koppja ħelwa minn Kana tal-Galilija—raħal ċkejken ħelu mibni f’ambjent li jixbah ħafna lil tagħna, imdawwar mis-siġar tal-ħarrub, bis-siġar tat-tin, il-qasab li jindikalek li hemm l-ilma, imdawar bid-dwieli— tweldilha tifel.

    Xi jfisser isem San Bartilmew?

    Nafu li semmewh Natanjel, rigal tal-Mulej. Ejjew nimmaġinaw il-ferħ ta’ din il-koppja, omm u missier San Bert, li jilqgħu dan id-don mingħand Alla u biex jiftakru li binhom huwa rigal kbir isemmuh ‘inti r-rigal tal-Mulej’, inti Natanjel.  X’aktarx missieru kien jismu Tilmew li fi żmien Ġesù, bl-Aramajk, kienet tgħaqqad żewġ ismijiet: wieħed bl-istess Aramajk, il-lingwa li kien  jitkellem anke l-Mulej f’Nazaret; u li Timew kien ifisser ‘iben ir-radda’, jiġifieri dik li tagħmel il-moħriet. Inkella bil-Grieg ‘Ptolomeus’ li kien isem irjali ta’ ħafna rejjiet tal-Eġittu. Bl-Aramajk il-kelma ‘bar’ tfisser iben Bar-Tilmew, iben Tilmew. U allura Natanjel, Bartilmew, huwa propju l-qaddis patrun tagħna li qegħdin niċċelebraw illum. Huwa dan id-don ta’ Alla lill-ġenituri tiegħu, lil Iżrael, lill-Knisja, li ismu jfakkar dejjem lil missieru ‘Bar-Tilmew’. Bħalma Pietru, jew Xmun anzi kien Bar-Ġona. Hekk ukoll Natanjel, Bartilmew.      

    Natanjel, iben Tilmew, kien bniedem li Ġesù stess jgħid: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem” (Ġw 1:47).  Xi jrid ifisser b’din il-kelma l-Mulej Ġesù meta jilmaħ lil Natanjel? Huwa Iżraeljan wild il-poplu Lhudi mwieled f’Kana li minn dejjem kien jixxennaq il-miġja tal-Mulej”. Kif smajna fl-Ewwel Qari mill-profeta Iżaija: “Ilkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ, għax raw b’għajnejhom lill-Mulej reġa’ lura f’Sijon. Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għajtu lkoll bil-ferħ, għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm. Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis, quddiem il-ġnus kollha” (Iż 52, 8-10). Min jaf kemm-il darba dan il-ġuvni Iżraeljan b’ħerqa u bid-dmugħ f’għajnejh, kien jaqra din il-profezja ta’ Iżaija u jixxennaq biex hu jagħraf lill-Messija tal-Mulej, biex hu jiltaqa’ ma dak li kellu jifdi lill-poplu ta’ Alla.

    Fit-tradizzjoni Lhudija s-siġra tat-tin kienet dejjem it-tifsira tal-Kelma ta’ Alla li tfarraġ u timla bil-ħlewwa.

    Meta l-Mulej jgħidlu “rajtek taħt issiġra tat-tin” (Ġw 1:48), qed ifisser diversi affarijiet. Siġar tat-tin kien hemm madwar Kana u għad hemm. Ma nistgħux neskludu li Natanjel/Bartilmew, kien iħobb imur jitlob u jfaħħar lil Alla taħt xi waħda minnhom. Imma fit-tradizzjoni Lhudija s-siġra tat-tin kienet dejjem it-tifsira tal-Kelma ta’ Alla li tfarraġ u timla bil-ħlewwa. Kien kliem coded, biex ngħidu hekk, li inti u tixtarr il-Kelma ta’ Alla u qalbek titħeġġeġ u ddub bil-ħlewwa tagħha, inti tiltaqa’ mal-Mulej u tixxenaq għalih.

    Filippu dejjem hu msemmi mal-ħabib tiegħu Bartilmew u fil-fatt huwa Filippu li jintroduċi lil Natanjel/Bartilmew lil Ġesù u jgħidlu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi” (Ġw 1:45). Innutaw ukoll li Ġesù jiġi introdott b’riferenza għal missieru ta’ din id-dinja biex ngħidu hekk, ta’ quddiem il-bnedmin, missieru putattiv, Yeshua ha-nazri Bar-Yosef, hekk tgħidha bl-Aramajk. Mela anke Ġesù huwa Bar-Yosef bħalma Natanjel huwa Bar-Tilmew. U Natanjel, li kien jaf li lil hemm mill-għoljiet, hemm il-villaġġ ta’ Nazaret u li forsi ma kellux fama eċċellenti, ħa ngħidu hekk, jgħid: “Tista’ toħrog xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġw 1:46). Issa aħna ma nafux jekk Natanjel kienx tlewwem ma’ xi ħadd minn Nazaret u baqa’ bit-tikketta magħhom, imma b’xi mod lilna tikkunslana għaliex niftakru li l-Mulej għażel villaġġ li ma kellux fama! Allura kulħadd verament jista’ jsalva.   

    Filippu wieġbu: “Ejja u ara” (Ġw 1:46). Imma qabel Bartilmew jiddeċiedi jilqa’ din l-istedina ta’ Filippu. ‘Ħa niġu naraw’. Imma qabel Bartilmew jara, hemm xi ħadd li diġà rah. “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu” (Ġw 1:49). Bartilmew jixtieq jara min hu Ġesù imma Ġesù diġà ra lil Natanjel/Bartilmew qabel ma kellmu Filippu. Il-Mulej, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, sema’ l-karba, ra d-dmugħ iġelben ma’ wiċċ Bartilmew, dmugħ jaħraq imħeġġeġ għal Iżrael ta’ Alla, għall-glorja tal-Mulej u s-saltna tiegħu. 


    Waħda mill-aqwa stqarrijiet ta’ fidi f’Ġesù

    “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih” (Ġw 1:47). L-ironija hija li kif tafu, il-kelma ‘Iżrael’ tfisser ukoll xi ħadd li jissielet ma’ Alla u ‘Iżrael’ huwa l-isem ta’ Ġakobb li jfisser ukoll ‘bin il-qerq’. Imma għalkemm Natanjel huwa mir-razza u mid-demm ta’ dan Ġakobb li seraq il-primoġenitura mingħand ħuh bil-qerq, għalkemm Natanjel huwa Iżraeljan, il-Mulej ma jsib l-ebda qerq fih. U għalkemm qegħdin fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann u qegħdin ukoll fil-bidu tal-esperjenza ta’ Natanjel ma’ Ġesù, minn dan id-dixxiplu bla ebda qerq insibu l-ewwel u waħda mill-aqwa stqarrijiet ta’ fidi f’Ġesù: “’Rabbi,’ qallu Natanjel, ‘Int l-Iben ta’ Alla, inti s-Sultan ta’ Iżrael!’” (Ġw 1:49). Natanjel Bartilmew jagħti l-istqarrija li fiha nnfisiha fi ftit kliem tiġbor il-messaġġ kollu tal-Evanġelju: “Inti l-Iben ta’ Alla, inti is-Sultan ta’ Iżrael”.   

    Wara kollox, meta il-Mulej jiġi mogħti f’idejn il-pagani u f’idejn l-għedewwa tiegħu, jiġi mibdul ma’ wieħed jismu Barabba, Bar-Abba, iben il-missier għax hekk ifisser l-isem Barabba. Dakinhar tal-Ġimgħa l-Kbira l-għażla tal-poplu Lhudi kienet bejn żewġ persuni: Barabba li ismu jfisser iben il-missier( Bar-Abba), u l-Iben ta’ Alla veru (Iben il-Missier), Ġesù Kristu minn Nazaret. U aħna nafu lil min għażlu; għażlu l-bniedem żbaljat. Imma l-Missier ipperemetta dan il għaliex il-Mulej ikkundannat bħala sultan tal-Lhud, ifhmu dak li qallu Natanjel: “Inti l-Iben ta’ Alla, inti is-Sultan ta’ Iżrael, inti s-Sultan tal-Lhud!” U kellu jkun dan il-kliem li Ġesù jilqa’ bħala l-kundanna tiegħu imma ukoll il-glorja tiegħu.  

    F’dan il-kliem ta’ Natanjel iseħħ ukoll il-kliem ta’ Xmun il-profeta li ntqal meta Ġesù kellu biss erbgħin ġurnata u ommu u missieru ppreżentawh fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Xmun ħa t-tarbija f’idejh u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2, 29-32). U lil ommu qalilha: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,—u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!—biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 2, 34-35). Natanjel jagħraf f’Ġesù ta’ Nazaret bin Ġużeppi, Yeshua ha-nazri Bar-Yosef, l-Iben ta’ Alla s-Sultan ta’ Iżrael u jantiċipa l-kundanna ta’ Ġesù fuq is-salib imma anke l-fidi tagħna u l-glorja tal-Mulej.   

    Natanjel, bla ebda dubju, huwa wkoll xhud tal-glorja tal-Mulej fir-raħal tiegħu stess. Ftit tal-jiem wara, omm Ġesù, Marija ta’ Nazaret, tiġi mistiedna għal tieġ f’Kana tal-Galilija. U Ġesù kien mistieden ukoll u miegħu ħa d-dixxipli tiegħu. Jiena nimmaġinah lil Natanjel Bartilmew—mhux waħdu imma mal-familja tiegħu għax kien minn Kana—jieħu sehem f’dak it-tieġ li fih ħin minnhom spiċċa l-inbid. “’Ma għandhomx inbid.’ U Ġesù qalilha: ‘X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.’ Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: ‘Agħmlu kull ma jgħidilkom hu’” (Ġw 2, 3-5). U l-Mulej, imbuttat minn ommu, bħalma mbuttatu l-ewwel darba biex jagħmel l-ewwel passi hi u twieżnu u Ġużepp jipprova jilqgħu min-naħa l-oħra ħalli ma jaqax, għenet lil binha jagħmel l-ewwel sinjal. Il-ġarar kbar, li kienu 6 u li kull waħda minnhom tesa’ mill-inqas 120 litru, kienu mimlija ilma li kien jintuża għall-ħasil, dak l-istess ilma umli li jitbiddel fl-ifjen inbid. “Bih wera l-glorja  tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11). Jekk kellu bżonn ta’ konferma, Natanjel Bartilmew, kienet fir-raħal għażiż tiegħu stess f’Kana tal-Galilija li hu kellu jkun xhud tal-ewwel sinjal tal-Mulej u ma’ sħabu ra l-glorja tal-Mulej u emmen fih.  

    Nimmaġinawh lil Bartilmew isegwi lil Ġesù mat-toroq tal-Galilja u tal-Lhudija u jkun xhud tal-kelma għażiża tiegħu kemm fis-sinagoga ta’ Kafarnahum kif ukoll fis-sinagoga ta’ Nazaret; xhud ukoll tar-rifjut li r-raħħala tiegħu, ta’ Nazaret, għamlu lill-Mulej għax il-Mulej minn dejjem u minn kmieni nett, kien “sinjal li jmeruh”.

    Natanjel, dan l-Iżraeljan bla qerq li jistħoqqlu dan l-isem, jisma’ minn fomm il-Mulej il-barkiet tas-saltna l-ġdida: “Henjin dawk li huma foqra fl-ispirtu … Henjin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja … Henjin dawk li jħennu … Henjin dawk li jġibu l-paċi … Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa” (ara Mt 5, 3-12). Henjin! U jipprova jifhem x’jiġifieri tkun is-Sultan ta’ Iżrael. Natanjel jara lill-Mulej jaħrab biex hu ma jkunx sultan ta’ din id-dinja, waqt li jieħu ħsieb il-folla bil-ġuħ. Ġesù ma jridx ikun re u la politiku ta’ din id-dinja li tgħaddi imma huwa s-sultan tal-paċi, huwa s-sultan veru ta’ Iżrael. 

    Natanjel isegwih ukoll Ġerusalemm. Ma’ sħabu l-ħdax l-oħrajn li jissemmew bħalu fit-tliet Evanġelji Sinottiċi, jitla’ mal-Mulej fir-raħal ċkejken ta’ Betfaġe u minn hemm f’Ħadd il-Palm, kif nafuh aħna, il-Mulej jitla’ fuq felu ta’ ħmara u jerħilha lejn Ġerusalemm osannat mill-folla li tgħidlu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” (Mt 21:9).

    Aħna għandna bżonn is-sagramenti għax il-Mulej Ġesù qatt ma ltqajna miegħu fid-demm u l-laħam.

    Kull meta jissemma Bartilmew, jissemma ma’ sieħbu Filippu. Huwa Filippu li jintroduċi grupp ta’ Griegi lill-Mulej Ġesù wara li daħal f’Ġerusalemm, u Ġesù jikkomwovi ruħu. Nimmaġinah li ma’ Filippu hemm il-ħabib tiegħu Natanjel/Bartilmew u qed jisimgħu lil Ġesù jifraħ għax issa l-Griegi wkoll jixtiequ jaraw lill-Mulej: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Il-Mulej jaf li waslet is-siegħa tiegħu, is-siegħa li l-ħabba tal-qamħ li tingħafas, se tiġi misħuqa bil-passjoni u l-mewt tiegħu u tagħmel ħafna u ħafna frott.    

    Natanjel huwa preżenti meta l-Mulej jaħsel saqajn id-dixxipli. Natanjel/Bartilmew ma kellux bżonn jitgħammed għaliex għamel tliet snin f’kuntatt kontinwu mal-Mulej Ġesù. Aħna għandna bżonn is-sagramenti għax il-Mulej Ġesù qatt ma ltqajna miegħu fid-demm u l-laħam. Missierna San Pawl kellu jitgħammed għax qatt ma ltaqa’ ma’ Ġesù fid-demm u l-laħam. Imma l-appostlu tagħna San Bert ma kellux bżonn jitgħammed imma nhar Ħamis ix-Xirka l-Mulej ħasillu riġlejh. Meta intom tħarsu lejn l-istatwa devota tagħkom, kapolavur tal-arti Maltija, u tħarsu lejn dawk ir-riġlejn tal-appostlu, ftakru li dawk ir-riġlejn huma maħsula mill-Mulej Ġesù u li wara li ħasilhom, kif ħasel ukoll ir-riġlejn tal-11 l-oħra, inkluż tad-traditur, qalilhom: “Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13, 13-14). “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). Dakinhar Bartilmew sar saċerdot, dakinhar ħa mingħand il-Mulej il-kmand Ewkaristiku: “Dan hu ġismi, dan hu demmi, għamlu dan b’tifkira tiegħi”. Dakinhar ħa l-kmandament tal-imħabba li huwa l-kmandament ta’ kull qadi u ta’ kull awtorità fil-Knisja.


    Il-mument ta’ dgħufija ta’ San Bartilmew

    San Bert, imma wkoll ma sħabu, għadda minn mument ta’ dlam. Mas-salib ta’ Ġesù kien hemm ommu, oħt ommu, kien hemm Marija ta’ Salome, imma ma kienx hemm Bartilmew. Dan l-appostlu li l-Mulej qallu: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih” (Ġw 1:47), u meta ġie l-mument tal-prova, lill-Imgħallem tiegħu, li kien stqarru bħala l-Iben Alla u s-Sultan ta’ Iżrael, abbandunah ukoll. U bħalma jgħid l-Appostlu Missierna li ssejħa tal-Mulej hija teżor: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7). Ejjew nifhmu li l-appostlu tagħna bħal ħafna min sħabu, bħal Pietru, bħal Ġakbu, bħal Filippu l-ħabib tiegħu, meta ġiet il-prova, lill-Mulej abbandunah. Ġwanni kien l-uniku appostlu li ssieħeb ma’ omm Ġesù taħt is-salib.  

    Imma l-Mulej irxuxtat iħares ukoll lejn il-wiċċ ta’ dan iż-żagħżugħ minn Kana u jgħidlubħalma qal lill-oħrajn: “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19). Għax il-ħarsa tal-Mulej irxuxtat hija ħarsa li tinfed il-qalb u tnaddfek mid-dnub u t-tradiment, bħalma jagħmel magħna bi ħlewwa kbira l-Mulej Ġesù fis-Sagrament tal-Qrar.

    Jekk f’Ħamis ix-Xirka Bartilmew sar saċerdot u rċieva mingħand il-Mulej il-kmand tal-imħabba, fil-Ġimgħa l-Kbira Bartilmew lil Ġesù abbandunah. Imma f’Ħadd il-Għid il-Mulej juri lil Bartilmew u lil sħabu s-sinjali tas-salib. Jgħidilhom: “‘Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.’ Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma’” (Ġw 20, 21-23). Bartilmew ma’ sħabu jirċievi l-missjoni kbira li jħabbar is-saltna ta’ Alla, ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra mat-truf kollha tal-art: “Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Iż 52:10).

    Fit-tradizzjoni tal-martirju, li bih ippurifika t-tradiment tiegħu, Bartilmew ta l-aqwa xhieda għal Ġesù l-lben ta’ Alla, is-Sultan ta’ Iżrael.

    It-tradizzjoni qawwija tal-Knisja fl-Armenja u tal-Knisja fl-Indja ġġib li wara Pentecoste, wara l-Għid il-Ħamsin, Bartilmew bħala missjunajru tal-Mulej litteralment iwassal il-Bxara tal-Mulej Ġesù u l-qawwa tiegħu sat-truf l-art magħrufa f’dak iż-żmien. Iż-żewġ postijiet li huma marbuta mat-tradizzjoni tal-missjoni u l-appostolat ta’ Bartilmew huwa Kalyan fix-xatt oċċidentali tal-Indja mhux ’il bogħod minn Mumbaj, u anke l-Armenja. L-Armeni fil-fatt iqimu lill-appostlu Bartilmew mal-appostlu Ġuda Taddew bħala l-fundaturi tal-Knisja Kattolika Armena. Fit-tradizzjoni tal-martirju, li bih ippurifika t-tradiment tiegħu, Bartilmew ta l-aqwa xhieda għal Ġesù l-lben ta’ Alla, is-Sultan ta’ Iżrael. Bartilmew ingħata l-martirju aħrax li jinstalaħ ħaj u mbagħad it-tradizzjoni tgħid li qatgħulu rasu. Dan hija tortura tipikament orjentali u anke fl-inħawi tal-Persja u tal-Armenja, li anke sa erba’ mitt sena ilu kienet għadha moda. Hija tortura ħarxa, hija umiljazzjoni kbira li għadda minnha l-appostlu għażiż u patrun tagħna.  

    X’ma batewx l-appostli biex ixandru l-fidi f’Ġesù? Huma li kellhom il-mumenti tal-glorja imma kellhom ukoll il-mumenti ta’ dgħufija bħalna, li kellhom bżonn il-ħarsa ta’ Ġesù li tħenn u taħfer u tagħder. X’ma batewx għal Ġesù? U għaliex għaddew minn dan kollu? Għaliex rawh irxuxtat, għaliex ma kien hemm l-ebda dubju fil-qalb tagħhom li l-Mulej huwa tassew l-Iben ta’ Alla, li huwa tassew is-sultan ta’ Iżrael.   

    “Ħbiebek ixandru l-ġmiel ta’ saltnatek!” (S 144). Hekk għedna fis-Salm Responsorjali. “Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu, biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek. Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek” (S 144, 11-13). Dan huwa wkoll l-innu li aħna ningħaqdu ma’ San Bert biex noffru lill-Mulej Ġesù; biex ningħaqdu mad-demgħat mimlija ħeġġa taż-żagħżugħ Natanjel/Bartilmew taħt is-siġra tat-tin u jispiċċa jimmedita l-profeziji ta’ Iżaija. Lil Mulej nitolbuh biex is-saltna tiegħu tiġi: “Missierna, li inti  fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6, 9-10). “Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgha tiegħek jitkellmu” (S 144:11). Bartilmew tkellem fuq is-setgħa ta’ Ġesù huwa u jgħaddi mat-toroq tal-Armenja u fuq ix-xtut ta’ Kalyan fl-Indja fejn bierek, fejjaq, qaddes, għammed u evanġelizza.

    Meta nilqgħu l-kmandament tal-imħabba ta’ xulxin u naħslu saqajn xulxin, aħna tassew nikbru fl-imħabba lejn Alla, lejna nfusna u lejn il-proxxmu.

    Fit-talba solenni tal-festa tiegħu l-Knisja titlob li hi tkun sagrament tas-salvazzjoni, sinjal ċar li Alla huwa salvatur, li l-Kelma ta’ Alla taħjina, li meta aħna ngħixu fuq il-Kelma tal-Mulej, għixu ħajja ta’ nies. Meta nilqgħu l-kmandament tal-imħabba ta’ xulxin u naħslu saqajn xulxin, aħna tassew nikbru fl-imħabba lejn Alla, lejna nfusna u lejn il-proxxmu. San Bert jgħallimna li x-xenqa li għandu kull bniedem għal Alla, Alla ma jiddisprezzahiex, ma jinsihiex u jwettaqha. “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu” (Ġw 1:49). San Bert jgħallimna li aħna m’għandniex niskandalizzaw ruħna mid-dgħufija ta’ xulxin għax hu “wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih” (Ġw 1:47) u li meta ġiet il-burraxka tal-Ġimgħa l-Kbira, lill-Mulej ukoll abbandunah.


    Id-destin li aħna l-Insara ma nistgħux naħarbu minnu
      

    Imma llum qegħdin niċċelebraw il-glorja tiegħu li hija midjuna għall-maħfra tal-Mulej għax il-qaddisin, ħuti, mhumiex imbegħdin minna. Kemm hu tajjeb li naħsbu fihom bħala nies bħalna li ħabbew ħafna lill-Mulej għax rawh u aħna mibnijin fuq is-sisien tax-xhieda ta’ dawn l-appostli. “ U ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla … U l-ħajt tal-belt għandu tnax-il pedament, li fuqhom hemm it-tnax-l isem tat-tnax-l appostlu tal-Ħaruf” (ara Apok 21, 9-14). U Bartilmew huwa wieħed minnhom. Il-fidi tagħna, l-aħwa, hija mibnija wkoll fuq il-pedament tal-fidi ta’ Bartilmew u l-ħdax-il sħabu l-oħra, meta wieħed iżid lil Mattija li ħa l-post ta’ Ġuda, it-traditur. U mal-ħabib tiegħu Ġuda Taddew li minħabba li jismu Ġuda ħafna drabi jiġi ddisprezzat u kkalunjat, San Bert wettaq din ix-xhieda: il-martirju tiegħu, id-demm tiegħu, il-ġisem kollu tiegħu sar pjaga waħda għal maħbub Ġesù tiegħu.

    U l-Papa Franġisku jagħmlilna kuraġġ għax ifakkarna li fost il-barkiet ta’ Ġesù hemm ukoll il-barka għal min hu ppersegwitat għall-ġustizzja

    Kemm għandna bżonn nitfarrġu bl-interċessjoni ta’ San Bert għax aħna tant aħna dgħajfin li mqar ikollok dieħes iddum tgħid bih! Immaġinaw minn xiex kellu jgħaddi l-patrun tagħna San Bert. Dan kollu għaliex fejn kien wassal il-ġid, il-faraġ u l-Kelma ta’ Ġesù. Dan huwa destin li aħna l-Insara ma nistgħu naħarbu minnu qatt. Il-kalunji, id-disprezzi, l-insulti u saħansitra anke l-mewt, kultant ikunu id-destin ta’ ħafna minna.U l-Papa Franġisku jagħmlilna kuraġġ għax ifakkarna li fost il-barkiet ta’ Ġesù hemm ukoll il-barka għal min hu ppersegwitat għall-ġustizzja, għal min hu ppersegwitat minħabba Ġesù. Ejjew inħarsu lejn ix-xbiehat għeżież ta’ San Bert biex nitqanqlu u nkunu dixxipli ta’ Ġesù, kemm dik li pinġa Calì madwar mitt sena ilu u kemm din l-istatwa straordinarjament sabiħa ġojjell tal-patrimonju artistiku tagħna, glorja tal-Għargħurin.

    Nitolbuk, San Bert: bierek id-djoċesi tagħna, bierek dan ir-raħal antik u sabiħ u glorjuż, bierek lil kull wieħed u waħda minna. It-tislima speċjali tiegħi llum permezz tal-mezzi tax-xandir li nirringrazzjahom għaliex iwasslu ċ-ċelebrazzjonijet u l-kelma tagħna ma’ Malta u Għawdex, hija kelma lil dawk li qegħdin id-dar u ma jistgħux joħorġu minn djarhom kemm minħabba mard u kemm minħabba ċirkostanzi oħrajn tal-ħajja, insellmilkom u nawguralkom. U lilkom, għeżież membri ta’ din il-parroċċa, nawguralkom il-barka li jixtieq bil-qalb jagħtikom San Bert. Dan Natanjel Bartilmew, San Bert, patrun tagħkom f’dawn is-sekli jrid iwassalkom lejn Ġesù. Ifhmu l-kelma tiegħu, ix-xhieda tiegħu u itolbuh dejjem.

    Viva San Bert!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Apok 21: 9b-14
    Salm: 144
    Evanġelju: Ġw 1:45-51

     

  •  

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti