• *****

    Direttur :               Wim Wenders

    Jieħdu sehem:   Papa Franċisku, Joe Biden, Paul Ryan, Recep Tayyip Erdogen, John Kerry, Angela Merkel, Barack Obama, Shimon Peres, Vladimir Putin, Donald J. Trump u Wim Wenders

    Ħin tad-Dokumentarju:                 96 min

    Maħrug minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                           U            

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                PG

    Wim Wenders, id-direttur ta’ dan il-film-dokumentarju hu wkoll in-narratur. Wenders mill-bidu juri min hu dan il-Papa. Xtaq ħafna bħala ammiratur tal-Papa, li jagħti ritratt lid-dinja kif din is-sena il-Papa jagħlaq ħames snin bħala kap tal-Knisja Kattolika.

    Papa Franġisku juri li hu mexxej kariżmatiku u kuraġġuż li lest li jilqa’ l-isfidi li jiġu ma’ wiċċu. Jorge Mario Bergoglio li twieled fl-Arġentina, hu l-ewwel papa mill-kontinent Amerikan, Ġiżwita u l-ewwel Papa li ried jissemma Franġisku u hekk jimxi fuq il-passi ta’ San Franġisk t’Assisi li għex ħajja ta’ faqar u sempliċità. Fil-fatt id-dokumentarju jagħmel użu tajjeb ta’ siltiet minn film fuq il-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi.

    Wenders ukoll jagħmel użu tajjeb ta’ close-ups bil-Papa jħares dirett lejn min qiegħed isegwih fl-erba’ intervisti li kellu mal-Papa fil-Vatikan. F’dawn l-intervisti,  il-Papa jitkellem bil-miftuħ u b’sinċerità, b’wiċċ seren, ħarsa intelliġenti bi tbissima li tnissel fiduċja għal min qiegħed jarah u jisimgħu. Wenders joħroġ tajjeb il-figura tal-Papa Franġisku li mhux biss saħħar il-Kattolliċi madwar id-dinja iżda wkoll ġibed lejh is-simpatija u r-rispett ta’ ħafna li ma jħaddnux il-fidi nisranija.

    Papa Franġisku juri li hu mgħarraf sew b’dak li qiegħed jiġri fid-dinja l-aktar il-biżgħat li ħafna popli għaddejin minnhom. Papa Franġisku kapaċi jmiss ma’ numru ta’ argumenti importanti li joħolqu diskussjoni bħall-ambjent, l-immigrazzjoni, l-ekonomija globali u l-istat tal-familja fi żmienna. Għalkemm dan il-Papa ħoloq numru ta’ kontroversji l-aktar f’dawk li jħossuhom mhedda f’dak li jemmnu, iżda l-metodu ġdid u miftuħ juri s-sinċerità f’dak li jemmen u jistqarr.

    L-intervisti li l-Papa jkollu ma’ Wenders jsaħħruk u x-xeni tal-ivjaġġar iqqanqluk meta tara l-eluf ta’ nies li jagħmlu kull sagrifiċċju biex jarawh, jilqgħuh u jisimgħuh. Il-kliem tal-Papa fil-vera sens tal-kelma, hu prietka mhux biss għall-insara iżda għal kull min hu ta’ riedha tajba u jixtieq li d-dinja li ngħxu fiha tkun vera dinja miftuħa għal kulħadd: is-sinjur jaqsam il-ġid tiegħu ma’ dawk l-aktar fqar fid-dinja.

    Film-dokumentarju taħt id-direzzjoni ta’ Wim Wenders li jiffoka fuq il-ħajja tal-Papa Franġisku u l-mira tiegħu li jgħanni lid-dinja f’ħajja aħjar msejjsa fuq il-vera mħabba. Minħabba temi ta’ natura matura kif ukoll xi xeni li jistgħu jimpressjonaw liż-żgħar, ikun tajjeb li t-tfal ikunu akkumpanjati minn xi adult.