• ***

    Direttur:          Idris Elba

    Atturi:              Aml Ameen, Stephen Graham, Shantol Jackson, Akin Gazi, Fraser James, Everaldo Creary, Mark Rhino Smith u Naomi Ackie

    Ħin tal-Film:    101 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Ninsabu fis-snin sebgħin, ġewwa Kingston fil-Ġamajka, fejn niltaqgħu ma’ Dennis “D” Campbell,  ġuvnott adolexxenti, li flimkien ma’ ħuh il-kbir Jerry Dread jinsabu nkwetati ħafna minħabba l-fatt li f’Kingston ma kienux jaraw ħlief ġlied u mwiet fost in-numru ta’ gangs li kienu jikkompetu kontra xulxin fi ġlied imdemmi biex b’hekk jiddominaw il-kontroll tad-droga mhux biss fil-pajjiż iżda wkoll fl-esportazzjoni tagħha f’pajjiżi oħra.

    Jerry ma kienx bniedem li ma jieħux inizjattivi biex jara jekk isibx soluzzjoni għal din il-problema nazzjonali. F’waħda mill-attivitajiet li Jerry organizza kienet li jlaqqa’ lil kulħadd f’manifestazzjoni ta’ għaqda bejn il-gruppi rivali. Kollox mar sew fil-bidu sakemm xi ħadd mill-folla spara u qatel lil Jerry. “D” kien xhud u ra id ta’ żagħżugħ jispara. “D” b’dak li ġara dak lill-ħuh, imlieħ b’rabja biex jagħmel vendetta meta jasal iż-żmien. Sadanittant, “D” issa sab ruħu taħt il-ħarsien ta’ Kingston Don u reġista tal-mużika bl-isem ta’ King Fox. Wara ftit snin, Fox jibghat lil “D” ġewwa Londra wara li “D” sab ruħu fl-inkwiet. Fox tah ukoll blokka kokaina biex iwassalha għand barun tad-droga. B’xorti tajba ma jinqabadx.

    F’Londra “D” jiltaqa’ ma’ Yvonne li fiż-żgħożija kienet il-maħbuba tiegħu u li minnu kellha tifla li “D” kien ra biss meta twildet. F’Londra jaqbad ma’ grupp magħruf bħala High Noon li kienu jinteressaw rwieħhom f’musika tipika tal-Ġamajka. “D” daħal b’ruħu u ġismu u wera l-ħila tiegħu tant li f’qasir żmien sar magħruf u mfittex minn numru ta’ immigranti mill-Ġamajka. “D” dejjem xtaq li jgħix ħajja fuq in-naħa tat-tajjeb għaliex wara kollox dak li kien għallmu ħuh Jerry. Iżda qabel ma jkonvinċuh li jħalli l-ħajja kriminali warajh u jaqbad “it-triq tas-sewwa”, kien hemm il-bżonn li jiltaqa’ u jivvendika ruħu minn dak li qatel lil ħuh. Biex jagħmel dan, “D” kellu jieħu t-triq perikoluża u mdemmija li kellha twasslu biex jeħodha ma’ Rico, gangster vjolenti magħruf sew ġewwa Londra. X’jiġri minn hawn?

    Film Brittaniku, dramm vjolenti, hu taħt id-direzzjoni ta’ Idris Elba, msejjes fuq in-novella bl-istess isem minn awtur imwieled il-Ġamajka, Victor Headley. Minħabba vjolenza mdemmija kif ukoll tema ta’ vendetta, kliem goff u traffikar ta’ droga, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.