• **

    Direttur:          Sylvain White

    Atturi:              Joey King, Julia Goldani Telles, Jaz Sinclair, Annalise Basso, Alex Fitzalan, Taylor Richardson, Javier Botet, Jessica Blank u Michael Reilly Burke

    Ħin tal-Film:    93 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Ġewwa belt żgħira f’Massachusetts, Katie, Hallie, Chloe u Wren, erba’ tfajliet, ħbieb ta’ xulxin, jidher li m’għandhomx wisq x’jagħmlu u jinsabu mdejjqin bihom infushom. Lejla waħda, l-erbgħa li huma, b’kurżità, jidħlu ġewwa video u jsejħu lil Slender Man. L-immaġini mħawwda tal-okkult kif ukoll lemħa ta’ xbieha, saħħrithom u ħawwdithom. Iżda l-uniku waħda li baqgħet tagħmel ftit riċerka fuq dak li rat u esperjenzat, kienet Katie li ġimgħa wara għabet. Riżultat ta’ dan, it-tliet tfajliet l-oħra marru d-dar tagħha biex jinvestigaw u jaraw x’ġara minnha. It-tlieta jsiru jafu li Katie kienet daħlet sewwa fl-okkult u li xtaqet ħafna li Slender Man jeħodħa.

    Għalhekk it-tliet tfajliet jiddeċiedu li jippruvaw jagħmlu kuntatt huma wkoll ma’ Slender Man fl-attentat biex jippruvaw iġibu lura lil Katie. Wren, li kienet għamlet xi ftit ta’ riċerka fuq il-mitoloġija  ta’ Slender Man, twissi lil Hallie u lil Chloe biex ma jiftħux għajnejhom waqt li huma t-tlieta jagħmlu attenat biex jikkontattjaw lil Slender Man minħabba li kien hemm il-biża’ li jew imutu jew jispiċċaw jiġġennu. Chloe tippanikkja u tiftaħ għajnejha b’riżultat li tiġi wiċċ imbwiċċ ma’ Slender Man. Ftit żmien wara, Slender Man jidħol fid-dar ta’ Chloe u jġenninha.

    Sadanittant, Wren waqt li kienet qegħda ssofri minn viżjonijiet tal-biża’, tipprova ssib xi soluzzjoni. Hallie min-naħa tagħha, mingħajr suċċess, tipprova tibqa’ miexja ‘l quddiem. Ftit żmien wara, Lizzie, oħt iż-żgħira ta’ Hallie ssofri minn attakk ta’ paniku u jeħduha l-isptar fejn hemm jikkalmawha permezz ta’ kura. Hallie tiskopri li Wren ippruvat tagħmel kuntatt ma’ Slender Man billi talbet l-għajnuna ta’ oħtha Lizzie. Hallie tikkonfronta lil Wren fuq dak li ġara lil oħtha. Wren tistqarr li Slender Man hu interressat li jieħu lilhom biss. X’sejra tagħmel Hallie biex tgħin lil oħtha tfieq? Lesta li toffri lilha nfisha biex hekk Lizzie tkun tista’ tgħix?

    Film Amerikan, tal-biża’ u jittratta fuq is-sopranaturali, taħt id-direzzjoni ta’ Sylvain White u kitba ta’ David Birke. Minħabba li l-film jittratta tema tal-okkult, b’konsegwenzi koroħ u b’mod traġiku, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena. Twissija liż-żgħażagħ: tmissux mal-okkult anqas b’kurżità jew biċ-ċajt. Tistgħu tidħlu f’ħafna nkwiet.