American Animals

  • ***

    Direttur:          Bart Layton

    Atturi:               Evan Peters, Barry Keoghan, Blake Jenner, Jared Abrahamson, Udo Kier, u Ann Dowd

    Jidhru personalment: Warren Lipka, Spencer Reinhard, Chas Allen, Eric Borsuk u Betty Jean Gooch

    Ħin tal-Film:     116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  15

    Fl-2003, ġewwa Lexington, f’Kentucky, Spencer Reinhard, student tal-arti, kien iħoss vojt f’ħajtu li ma kien xejn eċċitanti. Xtaq kieku jagħmel xi ħaġa biex tqajjimlu xi ftit eċċitament f’ħajtu. Sieħbu, Warren Lipka, student ieħor li kien qiegħed fuq borża ta’ studju jistudja biex isir għalliem, ma kienx kuntent ukoll. Waqt żjara edukattiva fil-librerija tal-Università ta’ Transylvania, Spencer, flimkien ma’ grupp ta’ studenti, daħal fejn kienu miżmuma kollezzjoni ta’ kotba rari ħafna u li jiswew miljuni ta’ dollari. Hawn, Spencer ġietu l-idea li flimkien ma’ Warren jisirqu xi ftit mill-kotba rari fosthom: The Birds of America, edizzjoni ta’ valur kbir ta’ John James Audubon flimkien ma’ kotba oħra li l-valur tagħhom kien stmat li jġibu l-eluf.  It-tnejn jibdew jippjanaw kif sejrin iwettqu din is-serqa.

    Warren jmur Amsterdam biex jiltaqa’ ma’ xerrejja fil-black market. Dawn jidhru interessati li jixtru l-kotba misruqa. Meta Warren jiġi lura, jgħarraf lil Spencer li jistgħu jdaħħlu l-miljuni għalihom. Dan il-fatt jqajjem eċċitament kbir fit-tnejn, għalkemm jirrealizaw li biex din is-serqa tkun tista’ titwettaq kien hemm bżonn ta’ xi nies oħra. Għalhekk idaħħlu magħhom xi hbieb minn tfulithom: Erik Borsuk biex jgħinhom fil-loġistika tal-operazzjoni u Chas Allen bħala s-sewwieq ta’ karozza biex jgħinhom jaħarbu. Fit-tħejjija għal din is-serqa isiru jafu li l-unika persuna li kienet tieħu ħsieb dawn il-kotba rari, kienet il-librara, Betty Jean Gooch.

    Fil-jum tas-serqa, l-erba’ żgħażagħ jilbsu ta’ negozjanti anzjani. Iżda meta jidħlu fil-librerija, jintebħu li jkun hemm wisq nies u għalhekk ikollhom jabbandunaw il-pjan tas-serqa u jitilqu idhom f’idhom. Tlieta minnhom wara dan il-fjask jixtiequ jabbandunaw l-idea għal kollox, iżda Warren ma jaqtax qalbu. Jitlob appuntament privat mal-librara l-għada. Il-pjan kien li Spencer joqgħod barra għassa waqt li Warren u Eric jidħlu fil-librerija libsin ta’ negozjanti żgħażagħ. X’jiġri minn hawnhekk kif jagħtu bidu għal pjan ieħor biex jisirqu l-kotba rari. Tgħid jirnexxielhom din id-darba?

    Film Amerikan, dramm msejjes fuq ġrajja vera, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Bart Layton. Interessanti l-intervisti li jagħtu l-erba’ żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom wara li jkun ġara l-każ. Minħabba xi kliem goff u vjolenza kif ukoll it-tema tal-film, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.