L-omelija tal-Arċisqof fil-100 anniversarju tal-parroċċa tas-Sacro Cuor u l-inkurunazzjoni tal-istatwa titulari


  •  
  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Is-Santwarju tal-Madonna tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema

    29 ta' Settembru 2018


    Omm l-Imħabba

    Fil-ħemda tal-għorfa mimlija bid-dawl,
    int sbejħa, int xbejba tas-safa miġbura fit-talb,
    għedt ‘iva’ lill-anġlu li wassal l-aħbar
    u l-qawwa tal-għoli għattietek bħal star.

    Fil-ġuf safi tiegħek issawwar fil-kenn
    il-Verb li minn dejjem hu l-Iben Etern,
    li mqanqal bl-imħabba għan-nisel ta’ dan,
    sar bniedem biex jeħles lill-bniedem min-nar;

    Sar bniedem, sar ibnek u qalbu tal-laħam
    issawwret fil-hena ta’ ġufek bla saram.
    Bdiet tħabbat ma’ qalbek taħt qalbek fis-sliem
    u l-għozza ta’ mħabbtek tħallina bla kliem.

    Dik qalbek ta’ mara, ta’ omm il-Ħallieq
    li twieżen b’imħabba qalb sid is-sidien.                


    L-Evanġelju li għadna kemm smajna jiddeskrivi x-xena ta’ Marija li ssir omm u f’ġufha jitnissel u jsir bniedem l-Iben ta’ Alla. Fil-ġuf tagħha tissawwar dik il-qalb mimlija ħlewwa u umiltà; l-ewwel taħbita tal-qalb ta’ Ġesu bħala bniedem, hija fil-ġuf ta’ Marija.

    Imma Marija li hija x-xebba rżina mnissla mingħajr tebgħa tad-dnub, hija l-għamara tal-Verb etern magħmul bniedem, l-isbaħ tabernaklu fl-univers, hija mqanqla mill-istess binha biex tkun omm ta’ mħabba.


    Qalbu ma' Qalbek

    Il-fwieħa mistura taż-żahar tal-larinġ,
    tissieħeb mal-passi li b’ħeffa wassluk
    lejn dar il-qariba li nisslet fil-ġieħ
    kif l-anġlu tal-qawwa u kliemu wissuk.

    Kemm ferħet dik qalbek miftuma mill-morr
    kif sellmet lix-xwejħa tistenna fil-kwiet;
    kemm qabeż it-tifel li kienet iġġorr
    bil-hena li sidu qed jikber fis-skiet.

    U qalbek li tħabbat bil-barka tas-sliem,
    li taqdi b’imħabba lis-sid tas-sidien,
    tmil, taħsel u tnaddaf, ixxammar il-kmiem
    f’Għajn Karem il-fwieħa tas-safa fiddien.

    U qalbek ma’ qalbu jħabbtu flimkien
    biex l-għanja ta’ mħabba tinstab f’kullimkien.


    Għax jekk hemm lezzjoni li tgħallimna Marija fil-misteru taż-żjara tagħa f’Għajn Karem lil Eliżabetta, huwa l-misteru li inti ssaltan tassew jekk tkun qaddej. Marija,  hi u tnissel il-Verb etern fil-ġuf, għaliex imwissijaa mill-anġlu li l-qaribna tagħha qiegħda fis-sitt xhur tat-tqala, tħaffef lejn il-għoljiet u ssir qaddejja għaliex is-saltna ta’ binha li qiegħda ġġorr, hija saltna ta’ mħabba, ta’ qadi; hija saltna fejn il-bniedem iżjed ma jkun kbir, iżjed irid ikun qaddej tal-oħrajn. L-imħabba tal-omm tidher ukoll fil-misteru tat-tieġ ta’ Kana u tidher ukoll ħdejn is-salib ta’ binha.


    Omm il-Qalb Divina

    Fil-għożża ta’ Kana waqt festa ta’ tieġ
    int, omm, tilmaħ sħaba fuq moħħ il-għarus
    u tagħraf fis-satra li naqas l-inbid
    u qalbek titkellem mal-qalb ta’ Ġesù.

    Is-siegħa tal-fidwa għal ibnek ’l bogħod,
    biss ħarstek ħanina tiltaqa’ m’għajnejh;
    Hu jsejjaħ u jgħamar b’dak leħnu hekk sod
    u l-ilma jinbidel f’inbid minn idejh.

    Dik qalbu li ħabbet sa fuq is-salib,
    inti rajtha tinfetaħ bid-daqqa kefrija;
    dik qalbu li tagħder u tmut għal ħabib
    int rajtha tingħasar bil-prezz tal-mifdija.

    Il-bewsa ta’ qalbek lil ibnek mislub
    tkun rahan ta’ kull fidwa għall-poplu miksub.   


    Għaliex fil-misteru tat-tieġ ta’ Kana l-Madonna tgħallimna li l-qalb tagħha tifhem u tagħder u tħenn. Hi timbotta lil binha, għaliex qalbu f’idejha, biex jagħmel l-ewwel sinjal imma dik qalbu kellha taraha wkoll tinqasam bil-lanza tal-kefrija u minnha joħorġu d-demm u l-ilma. Hi mhijiex biss ix-xhud tal-qalb minfuda ta’ binha imma tilqa’ t-testment tiegħu tal-imħabba.

    Illum irrid nimmaġina lill-arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel isellmu lis-Sultana tal-Anġli, lis-Sultana tagħhom.


    Sidtna Marija tal-Anġli

    Mikiel isellimlek, reġina tal-qalb
    tal-Iben ta’ Alla li bħalu m’hawn ħadd,
    imil b’ħerqa kbira mimlija bit-talb
    li l-għadu jintrebaħ u għemilu jinħadd.

    Mis-sema jittajjar il-kbir Gabrijel
    biex f’isem il-Għoli jnewwel l-aħbar
    u fik dlonk jitnissel il-wild ‘Għimmanu-El’
    f’ġuf safi mbiegħed mis-semm, mill-imrar.

    Isellem bil-ħerqa lill-omm il-Feddej,
    Rafel li fi triqtu kien kenn għal Tobija
    Ta duwa lil Tobit, ħabib il-Mulej,
    u b’għożża għallimna l-wens tal-foħrija.

    Sultana tal-anġli, illum inqimuk.
    Reġina ta’ qalbna, kuljum imberkuk.  


    Illum, 100 sena mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa, bir-raġun niftakru fil-benefatturi kollha ta’ dan it-tempju għażiż, fil-benefatturi ta’ dan il-ġest li ma jridx ikun ġest frivolu, leġġer jew vojt imma bħalma qal il-kappillan, irid ikun sinjal ta’ responsabbiltà. Il-kappillan semma’ komunità akkoljenti u l-ewwel pass fl-imħabba huwa li nilqgħu lil xulxin: love is acceptance. Għedtlu biex nitgħallmu mill-omm tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li aħna, jekk inħobbu lil xulxin u nitgħallmu nagħdru lil xulxin, inkunu qegħdin nibnu kultura ta’ mħabba, ta’ maħfra u ta’ solidarjetà li tassew tagħmlilna ġieħ.      


    Jum l-Inkurunazzjoni: 29.IX.2018

    Is-"Sliema" li tbewwset mal-ilma kaħlani
    mill-qalb tal-baħħara minn fomm is-sajjieda,
    tat isem lill-għolja li fuqha setgħan
    inbena dat-tempju lis-sema fejjieda

    Dat-tempju li ħaddan il-qalb tiegħek kbira
    li t’ibnek il-poplu jwennes fil-ferħ,
    isabbar fil-fidi lil ruħna tant fqira
    u jimla kull ħlejqa bil-barka tas-serħ.

    F’dat-tempju, ilqagħna wliedek maħbuba,
    b’kuruni f’idejna għalikom it-tnejn;
    kuruna għalik, ja omm tagħna mirquma,
    kuruna għal ibnek li qalbu f’idejk.

    Kemm ferħ qed inħossu llejla f’riġlejk,
    Sultana ta’ ibnek li qalbu f’idejk.      


    Nixtieq nagħlaq b’talba li x’aktarx ma kitibhiex hu imma li kienet approvata minn Dun Ġorġ Preca u kienet talba ta’ konsagrazzjoni lis-Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù.

    O Marija, Sultana tal-Qalb ħelwa u umli ta’ Ġesù, is-Santissima Trinità għażlitek biex minnek tissawwar il-Qalb tal-Bniedem Alla. Inti kont li mlejt bl-ewwel imħabba l-qalb ta’ ibnek Ġesù, u smajt l-ewwel taħbit tagħha ta’ mogħdrija lejna, imsejkna midinbin. Għalhekk aħna nersqu lejk, sbejħa Sultana, u nitolbuk tieħu pussess ta’ qalbna. Agħmel li qalbna tixbah il-qalb ħelwa u umli ta’ Ġesù ibnek biex hekk inkunu wlied tassew tiegħek tul ħajjitna kollha. Ammen.


    ✠ Charles J. Scicluna
       Arċisqof ta' Malta

     
  •