Kappillan ġdid għall-parroċċa tal-Balluta


    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Patri Renald Lofreda O.Carm bħala kappillan tal‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu, il‑Balluta.

      Patri Renald Lofreda twieled fid‑9 ta’ Settembru 1978 u għadda ħafna mit‑tfulija tiegħu fil‑parroċċa ta’ Santa Venera fejn sar jaf lill‑patrijiet tal‑Ordni Karmelitan. Huwa daħal mal‑Karmelitani fl‑1996 u għamel in‑novizzjat f’Pisa, l‑Italja, bejn Awwissu tal‑1998 u Settembru tal‑1999. Studja l‑Filosofija u t‑Teologija fl‑Università ta’ Malta u studja wkoll il‑Liturgija fl‑Università Pontifiċja tal‑Kulleġġ St Patrick’s fl‑Irlanda.

       

  • Patri Renald ġie ordnat saċerdot fl‑20 ta’ Ġunju 2003. Il‑ħidma pastorali tiegħu bdiet fil‑parroċċa tal‑Fgura fejn serva bħala djaknu, u mbagħad bħala saċerdot u kappillan għal 14‑il sena. Matul is‑snin serva wkoll bħala direttur u viċi direttur tal‑Vokazzjonijiet Karmelitani, għallem ir‑Reliġjon fil‑Kulleġġ San Elija u serva wkoll ta’ direttur spiritwali tal‑istess kulleġġ. Minn April tal‑2017 Patri Renald beda jifforma parti mill‑komunità Karmelitana ta’ Fleur‑de‑Lys.  

    Il‑parroċċa tal‑Balluta tiġbor fiha madwar 5,000 persuna f’1,500 familja.