• Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija llum għamel mandat ta’ inibizzjoni fil‑Qorti kontra d‑direttivi tal‑UPE (Union of Professional Educators) fl‑iskejjel tal‑Knisja.

    Is‑Segretarjat ħa din l‑azzjoni għaliex il‑UPE ma mxietx mal‑proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil kif stabbilit fil‑Ftehim Kollettiv. Dawn il‑proċeduri jistabilixxu li union l‑ewwel tiddiskuti ma’ kap ta’ skola, u jekk il‑każ ma jissolvix tiddiskuti mas‑Segretarjat. Kull meta din il‑proċedura ġiet segwita, is‑Segretarjat u l‑iskejjel tal‑Knisja solvew l‑każijiet li tqajmu mill‑Union.

    Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija jinnota li d‑Direttur tax‑Xogħlijiet sejħet laqgħa konċiljatorja u ripetutament talbet lill‑UPE biex b’sinjal ta’ rieda tajba tissospendi d‑direttivi tagħha. Il‑UPE ma laqgħetx din it‑talba.

    Is‑Segretarjat ifakkar li union li m’għandhix il‑maġġoranza tal‑impjegati u ma tgawdix rikonoxximent minn min iħaddem ma tistax toħroġ direttivi lill‑membri tagħha dwar kundizzjonijiet li ġew maqbula fil‑Ftehim Kollettiv. Il‑UPE ma aċċettatx il‑pożizzjoni tas‑Segretarjat li kienet qed tiġi osservata mill‑iskejjel u għal darb’oħra ħarġet direttivi ġodda lill‑membri tagħha. 

    Għalhekk is‑Segretarjat talab il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni li ġie milqugħ provviżorjament mill‑Qorti, li jfisser illi l-UPE trid tissospendi d-direttivi b’mod immedjat. Is‑Segretarjat illum xorta attenda għal‑laqgħa konċiljatorja li ma wasslet għall‑ebda konklużjoni u jibqa’ dispost li jiddiskuti mal‑Union fl‑aħjar interess ta’ kulħadd.